Tuesday, December 24, 2024

Il-Prim Ministru jikkonsulta mal-isportivi u l-attivisti tal-festi

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, mexxa laqgħat ta’ konsultazzjoni ma’ mijiet ta’ persuni involuti fis-setturi tal-isport u l-festi. F’dawn imsejħa bħala ‘townhall events’ fil-qalba tal-komunitajiet, il-Prim Ministru spjega kif l-għan ta’ dawn l-attivitajiet hu li kulħadd ikollu sehem fit-tfassil tal-komunitajiet li jixtieq.

Fil-każin tal-banda San Ġorg, f’Bormla, għexieren ta’ persuni għamlu l-interventi tagħhom fuq iż-żewġ setturi, fejn fis-settur tal-festi ħafna tkellmu dwar l-għajnuna li jagħti l-Gvern. Fl-istess ħin taw suġġerimenti konkreti ta’ kif tista’ titnaqqas il-burokrazija li xi minn daqqiet tkun ta’ xkiel, kif ukoll kif jista’ jkun inċentivat il-volontarjat. Membri tal-kumitati tal-għaqdiet tal-festi tkellmu dwar il-valur li l-festa tagħti lill-pajjiż u l-komunità u kif għalhekk il-Gvern għandu jibqa’ jinvesti fiha.

Hawn il-Prim Ministru kien ċar dwar il-valur li l-festi għandhom u kif il-Gvern għandu pjanijiet li jibnu fuq l-inizjattivi kbar li diġa’ ħa fosthom ix-xiri ta’ każini fejn soċjetajiet mużikali kienu se jiġu żgumbrati. Irrefera għas-suġġerimenti li saru u ta kelma li l-Gvern ser ikun qed janalizzahom u jikkunsidrahom.

Min-naħa tagħhom sportivi minn dixxiplini differenti tkellmu dwar ir-realtajiet partikolari tagħhom fejn ħafna resqu l-proposti skont iċ-ċirkostanzi u r-realtajiet li jiffaċċja. Filwaqt li kien rikonoxxut li sar avvanz kbir u nkisbu riżultati pożittivi, il-Prim Ministru kien preżentat b’ideat ġodda u proposti li jibdlu l-mentalità bil-għan li l-isport isir iktar parti mill-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin, fl-istess ħin li tkun indirizzata l-isfida tal-obeżita li f’pajjiżna għadha waħda kbira.

B’reazzjoni għal bosta kummenti, il-Prim Ministru appella lil min għandu interess fl-isport biex ikun attiv anke fuq livell ta’ tfassil tal-politika, għaliex hekk biss jistgħu jsiru bidliet f’oqsma oħra li jaffettwaw dak li tkellmu dwaru l-isportivi. Fosthom fl-iskejjel fejn hu meħtieġ emfasi ikbar fuq l-attività sportiva u anke ċertu policies ta’ ippjanar li qed jolqtu sports partikolari u joffru sfidi l-iżvilupp tiegħu.

Dawn iż-żewġ laqgħat bit-tema townhall events huma parti minn sensiela , hekk kif temi oħra se jkunu diskussi fil-jiem li ġejjin.

Ekonomija

Sport