Ftehim kollettiv ġdid għal 155 impjegat tal-MCAST – titjib fil-pagi, fil-kundizzjonijiet u fl-avvanz fil-karriera

Aqra wkoll

“L-MCAST għandu rwol ċentrali fil-ħidma tal-pajjiż għall-qabża ekonomika li jmiss, permezz tal-edukazzjoni vokazzjonali u professjonali u tar-rabta tiegħu mad-dinja tax-xogħol. Meta nsaħħu lill-MCAST, inkunu qed ninvestu fil-kapaċità ta’ pajjiżna li jimxi ’l quddiem.”

Dan qalu l-Prim Ministru Robert Abela waqt iċ-ċerimonja tal-Iffirmar ta’ Ftehim Kollettiv ġdid għal 155 impjegat tal-MCAST, bil-ftehim jirrikonoxxi l-kontribut tal-impjegati fi grad amministrattiv u senior management fl-operat tal-kulleġġ.

Dan il-ftehim se jfisser, l-ewwel u qabel kollox, avvanz fil-karriera u opportunitajiet ta’ taħriġ. Dan hekk kif il-ħaddiema se jkollhom aktar opportunità ta’ avvanz permezz ta’ taħriġ u ħiliet kif ukoll kompetenzi ġodda. Il-ftehim se jfisser ukoll titjib fil-pakkett finanzjarju tal-impjegati.

“It-titjib fil-pakkett finanzjarju jfisser għarfien akbar għall-ħidma, il-kompetenzi u l-esperjenza tagħkom. Ifisser ukoll aktar serħan il-moħħ għall-familji tagħkom u aktar fiduċja biex tippjanaw għall-futur,” qal Dr Abela. Irrimarka iżda li daqstant kruċjali huma l-opportunitajiet ta’ avvanz u taħriġ u dan għax kull ħaddiem għandu jkollu dritt li jara t-triq ’l quddiem u jkollu l-opportunitajiet li jassumi responsabilitajiet ġodda fl-impjieg tiegħu stess.

Aspett ieħor importanti ta’ dan il-ftehim kollettiv huwa l-importanza li jagħti lill-benesseri tal-ħaddiema u l-kwalità tal-ħajja biex tassew jintlaħaq bilanċ bejn l-impenji tax-xogħol u l-ħajja personali ta’ persuna.

Il-Prim Ministru qal li dan il-ftehim qiegħed ukoll jirrikonoxxi li dawk l-istudenti li qed jiggradwaw bħalissa qed jaslu għal dan il-mument importanti f’ħajjithom grazzi għall-kontribut ta’ kull min jaħdem f’istituzzjoni edukattiva: kemm dawk li jkunu fuq quddiem fil-vjaġġ edukattiv, iżda anke dawk li xogħolhom ma jkunx fil-klassi.

Dan il-ftehim jiġi fil-kuntest ta’ investiment qawwi li sar fir-riżorsa umana fl-edukazzjoni. Primarjament, il-ftehim għall-akkademiċi tal-Junior College, li jolqot aktar minn 160 edukatur u dak għall-maniġers tal-MCAST aktar kmieni dan ix-xahar, kif ukoll il-ftehim settorjali tal-edukaturi kollha fl-2024 u l-Ftehim tas-Servizz Pubbliku fl-istess sena ma’ 10 unions.

“Inutli ngħidu li rridu ntejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema kieku l-finanzi tal-pajjiż ma jippermettulekx tagħmel dan. Fl-aħħar mill-aħħar trid iddur dejjem għal dak li tiġġenera l-ekonomija. L-ekonomija li ttik biżżejjed biex iżżomm l-istabbiltà fis-settur tal-enerġija, biex iżomm l-inflazzjoni baxxa, u fl-istess waqt biex tibqa’ tinvesti f’iktar kundizzjonijiet tajbin tal-ħaddiema,” temm jgħid il-Prim Ministru, hekk kif iddeskriva lill-ħaddiema f’Malta bħala l-aqwa riżorsa li għandu l-pajjiż.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri sostna li dan il-ftehim kollettiv huwa rikonoxximent tal-kontribut importanti li l-ħaddiema amministrattivi jagħtu ta’ kuljum fl-MCAST favur l-istudent. “Dan huwa t-tielet ftehim kollettiv li qed niffirmaw fis-settur edukattiv fl-ewwel ħames xhur ta’ din il-leġiżlatura, kollha mibnija fuq prinċipju wieħed: ir-rispett lejn il-ħaddiema. Dan juri impenn kbir li qed nuru lejn il-ħaddiema kollha. Dan se nkomplu nagħmluh fiż-żmien li ġej ma’ gruppi oħra ta’ ħaddiema.”

Il-Ministru Camilleri temm jgħid li permezz ta’ dan il-ftehim qed jinħolqu opportunitajiet aktar ċari u ġusti għall-avvanz fil-karriera filwaqt li jkun garantit is-sodisfazzjon tal-ħaddiema.

Il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST Stephen Vella qal li bħala kulleġġ irid li l-ħaddiema jkomplu jiżviluppaw il-karriera tagħhom. Qal ukoll li dan il-ftehim huwa parti minn elenku sħiħ ta’ ħidma biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM – Voice of the Workers Josef Vella esprima sodisfazzjon għal dak li ddesriva bħala “ftehim bla preċedent li ġie ffirmat 43 ġurnata qabel ma jiskadi dak li hemm fis-seħħ illum.” Is-Sur Vella nnota kif dan il-ftehim se jfisser titjib sostanzjali fil-ħlas u kundizzjonijiet oħra.

Il-ftehim kollettiv kien iffirmat mill-Prinċipal tal-MCAST Stephen Vella, id-Deputat Kap Eżekuttiv tal-UĦM – Voice of the Workers Isabelle Farrugia, flimkien ma’ Thomas Woods, Ronald Curmi u rappreżentanti oħrajn tal-istitut u tal-UĦM – Voice of the Workers.

L-iffirmar ta’ dan il-ftehim ġie ppresjedut mill-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri, is-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Joyce Cassar, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport Matthew Vella u l-Kap Eżekuttiv tal-UĦM – Voice of the Workers Josef Vella.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport