Quddiem l-aħħar żviluppi internazzjonali fil-Lvant Nofsani u l-Golf Għarbi…
Quddiem l-aħħar żviluppi internazzjonali li qed iseħħu fil-Lvant Nofsani u l-Golf Għarbi, il-Prim Ministru Robert Abela wiegħed tmexxija soda aktar minn qatt qabel. “Inserraħ ras kulħadd, li min-naħa tiegħi, bħala Prim Ministru, u bħala Gvern, aħna all hands on deck,” qal il-Prim Ministru fi Stqarrija Ministerjali li għamel ilbieraħ fil-Parlament.
Dr Abela tenna li fi żmien ta’ inċertezza globali, “aħna nibqgħu sodi, deċiżivi fl-azzjoni, ċari f’dak li rridu, u magħqudin bħala nazzjon. Il-poplu Għawdxi u Malti jaf li aħna dejjem konna hemm għalih fl-akbar sfidi internazzjonali li rajna f’dawn l-aħħar sitt snin, u se nibqgħu mal-poplu tagħna aktar minn qatt qabel.”
Huwa enfasizza li kien għaqli aktar minn qatt qabel li s-sussidju fil-qasam tal-enerġija ma kinux bdew bil-phasing out tiegħu, anke jekk kien hemm argumenti favur dan min-naħa l-oħra tal-Kamra u saħansitra mill-Kummissjoni Ewropea nfisha.
Dr Abela stqarr li din l-għajnuna kbira li qed jibqgħu jagħtu, anki permezz tal-Budget ta’ din is-sena, tibqa’ waħda sostenibbli għax l-ekonomija tagħna hi b’saħħitha. Huwa iżda rrikonoxxa li xejn ma jista’ jittieħed forgranted hekk kif “nafu li sitwazzjoni internazzjonali tista’ tbiddel kollox.”
Għalhekk tenna li jridu jibqgħu ffukati fuq il-ħtiġijiet tal-pajjiż u li jilqgħu għall-impatti li ġejjin. Dr Abela żied jgħid li l-Gvern qed ikompli jsegwi s-sitwazzjoni u jevalwa siegħa b’siegħa.
Huwa semma wkoll kif mindu seħħew l-attakki tas-Sibt li għadda, minnufih rajna splużjoni fil-prezzijiet taż-żejt. Mal-ewwel rajna qabża ta’ 10% fil-prezz taż-żejt, u l-prezz taż-żejt sa issa laħaq it-82 dollaru l-barmil. Dan anki fl-isfond tal-attakki fuq tliet tankers fl-Istrett ta’ Hormuz.
“Il-prezz tal-gass naturali sploda ’l fuq b’25% (bħala medja). Kien hemm mumenti lbieraħ, fejn il-prezz tal-gass saħansitra tela’ b’42%,” qal il-Prim Ministru.
Semma wkoll kif bliet bħal Dubaj, postijiet fil-Bahrain, fil-Qatar, il-Kuwajt spiċċaw fil-mira tal-attakk. Dan filwaqt li fl-Arabja Sawdija fl-aħħar sigħat intlaqat impjant għar-raffinar taż-żejt.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar Ċipru, Stat Membru tal-UE u pajjiż bħalna fil-baħar Mediteran, li spiċċa wkoll fil-mira tal-attakki Iranjani minħabba l-bażi militari Ingliża li tinsab fil-pajjiż. “Ċipru sofra minn attakki bi drones Iranjani fuq il-bażi militari tar-Royal Air Force f’Akrotiri.”
“Niddeċiedu, nipproteġu lill-poplu u nkomplu mexjin ’il quddiem”
Min-naħa l-oħra, il-Prim Ministru Robert Abela qal li huwa jagħti garanzija li dan il-Gvern se jibqa’ jkun dejjem fuq in-naħa tal-poplu biex isostni għall-impatti ekonomiċi li jistgħu jiġu. “Jipproteġieh quddiem dan kollu, il-poplu tagħna se jsib lili, se jsib lilna ta’ din in-naħa tal-Kamra.”
“Quddiem sitwazzjoni taħraq nar fil-Mediterran, u lil hinn minnu, t-tmexxija soda tagħna stands up to be counted: niddeċiedu, nipproteġu lill-poplu tagħna u nkomplu mexjin ’il quddiem,” kompla jgħid il-Prim Ministru.
Huwa qal ukoll li permezz tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg, il-Gvern Malti wassal il-pożizzjoni tiegħu ta’ kawtela minn kull parti involuta f’din il-gwerra. Dan b’rispett lejn il-liġi internazzjonali u biex nipproteġu ċ-ċittadini ċivili.
Fuq kollox biex jippermettu djalogu madwar il-mejda biex l-affari ma tkompliex teskala aktar milli diġà eskalat. “Pajjżna dejjem kien vuċi kostanti u importanti favur id-djalogu madwar il-mejda. Dak l-eżerċizzju għandu jerġa’ jirritorna,” qal il-Prim Ministru.
“Dan nagħmluh filwaqt li nikkundannaw l-attakki indiskriminati li qed isofru pajjiżi ġirien f’dan ir-reġjun fil-Golf Għarbi fejn pajjiżna tkellem ukoll mat-tmexxija tagħhom.
“U f’mumenti bħal dawn, ma nistax ma nosservax kemm hi prezzjuża n-newtralità ta’ pajjiżna, u kemm kellna raġun, bħala Gvern, meta against all odds, konna persistenti fil-pożizzjoni tagħhna li Malta tibqa’ tgħożż in-newtralità tagħha.
“Għal dan il-Gvern, s-sigurtà ta’ pajjiżna qatt ma kienet, u qatt mhu se tkun, negozjabbli. F’kull kriżi ġeopolitika, l-interess nazzjonali jiġi l-ewwel u qabel kollox,” qal Dr Abela.
Huwa nnota li fl-aħħar sigħat, id-Deputat Prim Ministru Malti Ian Borg wassal il-messaġġ ta’ solidarjetà u l-pożizzjoni favur id-de-eskalazzjoni għal stabbiltà fir-reġjun.
“Dan wassalnieh kemm mad-Deputat Prim Ministru tal-Emirati Għarab Magħquda Abdullah Al Nahyan u mal-Prim Ministru u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Mohammed Al Thani.
“Lil dawn iż-żewġ pajjiżi nixtieq nirringrazzjahom ukoll li aċċertawna li ċ-ċittadini tagħna f’dawn il-pajjiżi li nzerta li skadilhom iż-żmien biex jibqgħu hemm, se tiġi provduta lilhom akkomodazzjoni sakemm b’mod sigur iħallu dawn il-pajjiżi,” qal il-Prim Ministru.
“Se nibqgħu nadvokaw għall-paċi”
“Il-messaġġ tagħna dejjem favur ceasefire b’mod permanenti, jiġifieri waqfien mill-ġlied jibqa’ wieħed hemm Jekk mhux se jsir hekk, mhux se nagħtu ċ-ċans għad-djalogu biex iseħħ u biex il-poplu Iranjan jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu biex jimxi ’l quddiem.
“Ħsiebna jibqa’ fuq iċ-ċittadini ċivili. Ejja nibqgħu nitkellmu u nimbuttaw id-djalogu. Filwaqt li lokalment se nibqgħu ffukati biex nipproteġu l-għajxien u l-kwalità tal-ħajja tal-familji billi nkunu t-tarka għalihom minħabba l-impatti ekonomiċi.
“Se nibqgħu nadvokaw għall-paċi u l-ħarsien sħiħ tal-liġi internazzjonali. F’mument bħal dan ta’ sfida oħra internazzjonali rridu nintrefgħu ’l fuq minn dak li jġib il-partiġjaniżmu.
“Se nibqa’ naġġorna anki lin-naħa l-oħra tal-Kamra fuq dak li jkun ta’ interess nazzjonali, speċjalment b’dak li qed iwettqu l-missjonijiet diplomatiċi ta’ pajjiżna f’dan ir-reġjun.
“Kull sfida li se tkun qed tiżviluppa fis-sigħat li ġejjin, jien bħala Prim Ministru, flimkien mal-Kabinett kollu, se nkunu qegħdin nindirizzawha b’azzjoni immedjata u kordinata,” qal il-Prim Ministru. “Se nagħmlu kollox biex inħarsu l-interessi tal-familji, u n-negozji Għawdxin, u Maltin.”
Huwa temm jgħid li l-messaġġ tiegħu hu ċar: “aħna fil-kontroll tas-sitwazzjoni, qed naġixxu b’kuraġġ u responsabbiltà u m’aħna se nħallu xejn jhedded is-sigurtà ta’ pajjiżna. Meta hemm tmexxija soda, il-poplu jkollu serħan il-moħħ.”
“U dan hu li qed niggarantixxu, u se nkomplu niggarantixxu speċjalment quddiem sitwazzjoni taħraq bħal din: Stabbiltà, Tmexxija Soda, u Serħan il-moħħ.
“Mal-pajjiżi li qatt ma kienu involuti f’dan il-kunflitt fosthom l-Emirati Għarab Magħquda u l-Qatar, mill-ġdid nesprimi s-solidarjetà u l-bżonn li nibqgħu nitkellmu ħalli l-partijiet konċernati jiġu flimkien u jirrenja d-djalogu.
“Jekk jirbaħ id-djalogu, tirbaħ l-umanità. Igawdu ċ-ċittadini ċivili li bħalissa għandhom inċertezza u biża’ fuq li jkomplu għaddejjin bil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.
“Jerġgħu jiftħu l-iskejjel, terġa’ tirrenja n-normalità u b’mod ġenerali jgawdi kulħadd. Dan huwa dak li se nkomplu nimbuttaw. Aħna favur stabbiltà li tibqa’ ċ-ċavetta għall-prosperità tal-familji u n-negozji,” temm jgħid il-Prim Ministru.



