• Sal-2028 se tkun indirizzata kompletament l-inġustizzja fil-pensjonijiet bejn dawk imwielda qabel u wara l-1962
• Koppja se tkun tista’ tittrasferixxi bejnietha bolol imħallsa żejda biex il-parti li m’għandhiex bolol biżżejjed tkun tista’ tikkwalifika għall-pensjoni minima
• L-għajnuna għal anzjani b’live-in carer se tiżdied għal kważi €11,000 fis-sena
• Anzjani ta’ aktar minn 80 sena li jgħixu waħedhom se jingħataw smart wearable device għall-monitoraġġ tas-saħħa u assistenza immedjata f’emerġenzi
F’attività politika f’Ħal Għaxaq, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela ħabbar proposti ġodda mill-Manifest Int Malta favur l-anzjani. Ħabbar li anzjani ta’ aktar minn 75 sena li joqgħodu f’darhom, se jieħdu żieda ta’ €200. Proposta oħra hija dik li nisa li qabżu l-età tal-irtirar u qed jieħdu l-bonus għal dawk li m’għandhomx pensjoni li daħħal Gvern Laburista, mis-sena d-dieħla se jibdew jieħdu ż-żieda tal-COLA kull sena. Dawk li għandhom live-in carer, l-għajnuna li bħalissa hija dik ta’ €9,000 qed jiġi propost li titla’ sal-paga minima, sostenn ta’ kważi €2,000 oħra fis-sena.
Dr Abela ħabbar ukoll li anzjani ta’ aktar minn 80 sena li jgħixu waħedhom, se jingħataw smart wearable device li bih it-tobba jsegwu saħħithom f’kull ħin u f’każ ta’ emerġenza jmorru jagħtuhom l-għajnuna mal-ewwel. Dan apparti li se jinfetħu aktar Ċentri għall-Anzjanità Attiva fil-komunità, filwaqt li se jiġi estiż il-ħin tal-ftuħ tagħhom. Is-servizz tas-Silver T se jiġi estiż lil hinn mill-konfini tal-lokalità u f’ħinijiet li jkunu jixtiequ l-anzjani.
Sostna wkoll li Gvern Laburista se jkompli jagħmel ġustizzja man-nies li twieldu qabel l-1962 sabiex ikompli jsewwi dak li għamel Partit Nazzjonalista fil-Gvern. Semma ż-żieda ta’ minn tal-anqas €50 fil-ġimgħa fil-pensjonijiet. Għar-romol, apparti l-pensjoni sħiħa tal-konjugi li jkun miet, se jieħdu żieda ta’ 20% fil-pensjoni bħala kumpens għall-pensjoni li ħaddieħor kien telfilhom. Se jkun possibbli wkoll li koppja tittrasferixxi bejnietha bolol imħallsa żejda biex il-parti li m’għandhiex bolol biżżejjed tkun tista’ tikkwalifika għall-pensjoni minima.
Il-Prim Ministru sostna li l-messaġġ tal-Partit Laburista huwa mibni fuq il-bżonnijiet tan-nies u l-ħolm tagħhom. Sostna li din il-kampanja elettorali tikkonferma kemm għandna poplu ta’ suċċess u poplu li rnexxielu jibni prosperità wiesgħa minkejja l-isfidi li jaffaċċja. Qal li fl-2013 in-nies għażlu moviment li kien lest ikun ta’ spalla għalihom u minflok daħħal l-awsterità, bl-għaqal ġab is-suċċessi li wassal għar-roħs fil-kontijiet, childcare b’xejn, żieda fil-pensjonijiet, tnaqqis fit-taxxi, fost miżuri oħra.
Dr Abela sostna li Gvern Laburista dejjem se jkun hemm għan-nies ħalli jirnexxu f’kull pass u magħhom jirnexxu Għawdex u Malta. Sostna li pajjiżna ma jistax jaffordja li jitmexxa min-nies li m’għandhomx kompetenza ekonomika bażika. Għall-kuntrarju joħroġ ċar li l-Partit Laburista għandu l-ideat ġodda għall-futur u għandu pjan serju, meqjus u pjan li jista’ jitwettaq.
F’din l-attività ħadu sehem ukoll il-Ministru u kandidat fuq fuq ir-4 u t-12-il distrett Jonathan Attard u s-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield, kandidat fuq l-1 u t-2 distrett.


