Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ħabbar il-Masterplan li se jwassal għall-iżvilupp ta’ Sptar ġdid fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, r-rinnovar u espansjoni tal-Isptar San Luqa u r-rinnovar tal-Isptar Boffa.
Il-Gvern qed ikompli javvanza b’viżjoni fit-tul għat-trasformazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex f’kampus modern u reżiljenti tal-kura tas-saħħa li jservi l-bżonnijiet tal-poplu Għawdxi u Malti.

Fl-istess ħin, il-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Isptar San Luqa f’raħal modern tas-saħħa se jkun wieħed mill-akbar investimenti fit-tul fl-infrastruttura tas-saħħa pubblika f’Malta, mifrux fuq medda ta’ 15-il sena.
L-eżerċizzju tal-Healthcare Campus Masterplan issa ġie konkluż, u l-proġett dieħel fil-fażi li jmiss ta’ żvilupp tad-disinn u t-tħejjija tas-sejħiet għall-offerti meħtieġa għall-implimentazzjoni. L-istudju analizza d-demografija u l-ħtiġijiet futuri tas-saħħa f’Malta u Għawdex, identifika nuqqasijiet fis-servizzi eżistenti u ddefinixxa l-ħtiġijiet għall-futur.
Il-Ministru Jo Etienne Abela qal kif matul dawn l-aħħar xhur, saru studji tekniċi, investigazzjonijiet ġeotekniċi, ippjanar tas-servizzi tas-saħħa u t-tfassil tal-Masterplan tal-kampus, li flimkien qed jiffurmaw il-pedament ta’ dan il-proġett nazzjonali. Fl-istess waqt, diġà bdew xogħlijiet preparatorji sabiex il-parti tat-Tramuntana tal-kampus tiġi rilokata biex isir il-bini tal-isptar il-ġdid. Fost l-infrastruttura permanenti li tinsab fi stadju avvanzat hemm il-helipad il-ġdid, li mistenni jibda jopera fit-tielet kwart ta’ din is-sena.
Dr Abela spjega kif dan il-proġett għandu l-għan li jżid il-kapaċità tal-isptar, jintroduċi servizzi speċjalizzati ġodda, isaħħaħ il-preparazzjoni għall-emerġenzi, inaqqas iz-zminijiet ta’ stennija u jressaq aktar kura tas-saħħa ta’ kwalità eqreb lejn il-komunità Għawdxija.
“Il-Gvern ikompli jimpenja ruħu biex ikompli jibni sistemi tas-saħħa li jaqdu lill-pazjent b’mod eċċellenti. Kommessi li s-sistemi tagħna jkunu lesti għall-futur”, temm jgħid Dr Abela.

Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg irringrazzja lill-Ministeru għas-Saħħa, lill-amministrazzjoni ta’ dawn l-isptarijiet u l-esperti lokali u internazzjonali involuti sabiex b’għaqal fasslu pjan fattibbli, li jirrikonoxxi ċ-ċirkostanzi tas-snin li għaddew u b’determinazzjoni jħares ’il quddiem biex joffri s-soluzzjonijiet għall-ħtiġijiet tas-saħħa futuri tal-pazjenti f’Malta u Għawdex.
“Ninnota b’sodisfazzjon li l-ewwel fażijiet ta’ dan il-pjan diġà qed jitwettqu, kemm fl-Isptar t’Għawdex kif ukoll fl-Isptarijiet San Luqa u Karin Grech f’Malta. Fl-istess waqt, huwa ferm aktar importanti li sena wara l-oħra, il-Gvern qed ikompli b’mod tanġibbli jistinka biex itejjeb il-kwalità tas-servizzi tas-saħħa li jirċievu l-pazjenti mill-isptarijiet li għandna bħalissa, b’kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema tant dedikati f’dan il-qasam, tagħmir ġdid u firxa dejjem tikber ta’ servizzi mediċi, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex,” stqarr Dr Borg.


