Monday, May 11, 2026

Inawgurata Multi-Sensory Room f’Dar il-Kaptan iffinanzjata mill-VOPS

Aqra wkoll

Ġiet inawgurata kamra multi-sensorjali mill-Foundation for Respite Care Service, jew kif magħrufa bħala Dar il-Kaptan, b’tagħmir ġdid u aġġornament tal-kamra li l-klijenti tad-Day Programme and Residential Respite ilkoll jiddependu fuq l-użu tagħha.

L-inawgurazzjoni ta’ din il-kamra saret mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia akkumpanjata mic-Chairperson tal-Foundation for Respite Care Services għal Dar il-Kaptan, Martin Saliba.

Iċ-Chairperson tal-Foundation for Respite Care Services għal Dar il-Kaptan, Martin Saliba, spjega li t-tagħmir tal-kamra multi-sensorjali kien ilu jintuża għal aktar minn 13-il sena u, minħabba l-użu kontinwu tiegħu, ħafna minnu ma baqax jista’ jissewwa. Huwa żied li dan il-proġett ta’ tiġdid sar possibbli permezz ta’ finanzjament ta’ €20,000 mogħti taħt il-Voluntary Organisations Project Scheme (VOPS) tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat.

Saliba temm jgħid li Dar il-Kaptan toffri servizz ta’ respite care li jipprovdi ambjent sigur u inklussiv għal persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom, fejn jiġu offruti servizzi mfassla skont il-bżonnijiet speċifiċi tagħhom.

F’diskors waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, spjegat kif “dan il-Gvern jibqa’ jemmen li soċjetà moderna u b’saħħitha titkejjel mhux biss mill-ekonomija tagħha, iżda minn kemm tagħraf tieħu ħsieb lil kull persuna b’dinjità u rispett. Għalina, l-inklużjoni mhijiex slogan jew wegħda fuq il-karta, iżda politika ċara mibnija fuq investiment fin-nies, fis-servizzi u fis-settur volontarju li kuljum jagħmel differenza reali fil-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.

Aħna determinati li nkomplu nibnu pajjiż fejn ħadd ma jitħalla lura, fejn persuni b’diżabilità jingħataw aktar opportunitajiet, aktar servizzi ta’ kwalità u aktar spazji fejn jistgħu jilħqu l-potenzjal tagħhom b’mod sħiħ. Huwa għalhekk li qed inkomplu nsaħħu l-kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet volontarji u ninvestu f’inizjattivi li joħolqu komunitajiet aktar inklussivi, aktar sensittivi u aktar ġusti.

Il-politika tagħna tibqa’ waħda li tqiegħed lill-bniedem fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet kollha li nieħdu, għax nemmnu li progress veru jfisser meta kull persuna tħoss li għandha postha fis-soċjetà u futur mibni fuq opportunitajiet ugwali,” temmet tgħid il-Ministru Farrugia.

F’kumment il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, Mauro Pace Parascandalo, irringrazzja lill-amministraturi ta’ Dar il-Kaptan, li flimkien ma’ ħafna oħrajn qegħdin jagħtu kontribut essenzjali fis-soċjetà tagħna fl-oqsma li joperaw.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport