Mart il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Dr Lydia Abela illum żaret Basecamp fiż-Żejtun – ‘incubator’ li jappoġġja kumpaniji li jaħdmu fil-qasam tal-iżvilupp tal-video games, l-esports, u teknoloġiji immersivi bħal XR, AR u VR.
Din il-faċilità toffri madwar 700 metru kwadru ta’ spazju għal start-ups b’potenzjal għoli u sservi bħala hub fejn dawn il-kumpaniji jistgħu jikbru, jikkollaboraw u jibnu komunità b’saħħitha ta’ żviluppaturi.
Waqt iż-żjara ġie enfasizzat ix-xogħol importanti li qed isir f’dan is-settur, li qed jikber b’ritmu qawwi f’pajjiżna u kif ukoll l-importanza ta’ avvenimenti bħal Playcon li jlaqqgħu lil dawn il-kumpaniji ma’ investituri kbar f’Malta stess.
Dr Abela qalet li l-gaming, l-esports u t-teknoloġiji immersivi mhumiex biss forma ta’ divertiment, iżda jistgħu jkunu wkoll għodda edukattiva, soċjali u inklussiva. Hija ltaqgħet ukoll ma’ kumpanija li ħolqot logħob speċifikament għal tfal b’diżabilità sabiex tgħinhom jiffaċċjaw l-emozzjonijiet tagħhom b’mod aktar faċli.
Hija żiedet tgħid li Malta għandha potenzjal biex tkompli tiżviluppa bħala ċentru ta’ eċċellenza f’dan il-qasam, bi studios u kumpaniji li qed joħolqu kontenut artistiku oriġinali, esperjenzi ġodda ta’ realtà virtwali u soluzzjonijiet li jgħinu lit-tfal jiżviluppaw ħiliet importanti għall-ħajja.
Ryan Camilleri, żagħżugħ Malti u fundatur ta’ Medow Studios stqarr kif bis-saħħa ta’ dan l-investiment f’din l-industrija u b’inċentivi bħal dawk offruti minn Malta Enterprise, wara esperjenza barra minn pajjiżna, huwa kellu ċ-ċans li jerġa’ jiġi lura Malta sabiex iwettaq il-ħolma tiegħu. Fl-aħħar jiem irnexxilu anke jassigura investiment minn waħda mill-ikbar kumpaniji Amerikani li emmnu fil-prodott li qed toħloq din il-kumpanija.
Matul iż-żjara ġiet enfasizzata wkoll l-importanza li tissaħħaħ ir-rappreżentanza tan-nisa fl-industrija tad-divertiment interattiv, u li jinħolqu aktar opportunitajiet biex tfajliet u nisa jkunu jistgħu jikbru u jirnexxu f’dan is-settur.
Il-miżuri proposti mill-Partit Laburista f’dan il-qasam huma mmirati biex ikomplu jsaħħu l-industrija tal-gaming, l-esports, l-edukazzjoni u t-teknoloġija inklussiva f’Malta, filwaqt li jattiraw aktar investiment u joħolqu mpjiegi ta’ kwalità f’settur sostenibbli u mimli opportunitajiet.


