Il-Prim Ministru Robert Abela jilqa’ lill-President tal-Kunsill Ewropew António Costa f’Malta

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ lill-President tal-Kunsill Ewropew António Costa fil-Berġa ta’ Kastilja għal taħditiet dwar numru ta’ prijoritajiet ewlenin fuq l-aġenda Ewropea. Din iż-żjara hija parti mit-tur tal-kapitali li qed jagħmel il-President Costa biex jiddiskuti l-aġenda tal-Kunsill Ewropew għax-xhur li ġejjin fosthom il-baġit fit-tul tal-Unjoni Ewropea, il-kompetittività, l-migrazzjoni, it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea, l-Ukrajna u s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani.

Wara laqgħa formali, il-Prim Ministru Robert Abela u l-President António Costa indirizzaw lill-midja.

Dr Abela spjega li parti ċentrali mit-taħditiet kienet dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2028-2034. Huwa sostna li Malta qed tidħol f’dawn in-negozjati b’attitudni kostruttiva, filwaqt li tirrikonoxxi l-ħtieġa għal aktar investiment fis-sigurtà, fil-kompetittività u fir-reżiljenza.

“Il-baġit Ewropew tal-futur irid ikun ġust, bilanċjat u kredibbli. Għandu jħares is-solidarjetà, jirrifletti r-realtajiet differenti tal-Istati Membri u jiżgura li l-investiment Ewropew jasal għand iċ-ċittadini madwar l-Unjoni kollha,” qal il-Prim Ministru.

Huwa tenna l-importanza tal-Politika ta’ Koeżjoni għal Malta, mhux biss bħala għodda ta’ solidarjetà iżda wkoll bħala politika favur il-kompetittività, l-infrastruttura, il-ħiliet, l-innovazzjoni u l-konnettività. Il-Prim Ministru sostna wkoll il-pożizzjoni konsistenti ta’ Malta li ma tistax tappoġġja l-introduzzjoni ta’ tassazzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li tibqa’ lesta tiddiskuti għażliet ġusti u proporzjonati għall-finanzjament tal-baġit Ewropew.

Dwar il-kompetittività, il-Prim Ministru qal li Malta tappoġġja Suq Uniku dejjem aktar b’saħħtu, aktar investiment u innovazzjoni u inqas burokrazija. Saħaq iżda li r-realtajiet tal-Istati Membri żgħar u gżejjer, bħal ma hu pajjiżna jridu jkunu riflessi fid-deċiżjonijiet Ewropej.

“Mhux aċċettabbli li ċ-ċittadini u n-negozji Maltin iħallsu aktar jew ikollhom inqas għażla sempliċiment għaliex jgħixu u joperaw minn Stat Membru gżira. Suq Uniku ġust irid jieħu dawn ir-realtajiet bis-serjetà,” qal Dr Abela.

Fir-rigward tal-migrazzjoni, iż-żewġ naħat iddiskutew il-ħtieġa għal ġestjoni effettiva tal-fruntieri, solidarjetà prattika, ritorn kredibbli, azzjoni kontra n-netwerks tat-traffikanti u sħubiji aktar b’saħħithom mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu.

Dwar il-Lvant Nofsani, Dr Abela tenna li l-prijorità immedjata ta’ Malta tibqa’ l-protezzjoni u l-għajnuna umanitarja u r-rispett sħiħ tal-liġi internazzjonali. Malta tibqa’ temmen li s-Soluzzjoni ta’ Żewġ Stati hija l-unika bażi vijabbli għal paċi ġusta u dejjiema. Dwar l-Iran, il-Prim Ministru enfasizza l-ħtieġa ta’ de-eskalazzjoni, diplomazija u ħarsien tal-libertà tan-navigazzjoni.

Fuq l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-Prim Ministru tenna l-appoġġ ta’ Malta għas-sovranità, l-integrità territorjali u d-dritt internazzjonali tal-Ukrajna, filwaqt li sostna l-ħtieġa għal paċi komprensiva, ġusta u dejjiema.

Fl-aħħar nett, il-Prim Ministru afferma l-appoġġ ta’ Malta għal proċess ta’ tkabbir tal-Unjoni Ewropea li jibqa’ kredibbli u bbażat fuq il-mertu.

Dr Abela rringrazzja lill-President Costa għat-tmexxija bilanċjata u pragmatika tiegħu u tenna li Malta se tkompli taħdem għal tmexxija Ewropea li tkun inklużiva, konkreta u ffukata fuq riżultati li jagħmlu differenza fil-ħajja taċ-ċittadini kollha.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport