Jittella’ b’suċċess il-ħames edizzjoni tal-kunċert ‘A Night at the Palace’

Aqra wkoll

L-Erbgħa filgħaxija fil-Palazz tal-Girgenti, ittellgħet b’suċċess il-ħames edizzjoni tal-kunċert ‘A Night at the Palace’ bis-sehem tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali.

Waqt il-kunċert inġabru donazzjonijiet b’risq Hospice Malta sabiex tkompli bl-għajnuna li tipprovdi permezz tal-kura paljattiva, flimkien ma’ sapport lill-pazjenti u l-familji tagħhom.

Bit-tema ‘Melodija Maltija’, l-edizzjoni ta’ din is-sena ċċelebrat il-kanzunetti u l-melodiji li matul is-snin sawru l-identità mużikali Maltija, minn klassiċi li baqgħu fil-memorja kollettiva sal-kanzunetti ta’ żminijiet aktar riċenti.

L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, taħt id-direzzjoni tal-Maestro Kevin Abela u bis-sehem ta’ diversi kantanti mistiedna, tat ħajja ġdida lil dawn il-melodiji f’serata mużikali fl-atmosfera mill-isbaħ li joffri l-Palazz tal-Girgenti.

Is-serata kienet ukoll iddedikata għall-memorja tal-Maestro Aurelio Belli, bħala rikonoxximent għall-kontribut importanti u dejjiemi tiegħu lejn il-mużika u l-wirt kulturali ta’ pajjiżna.

F’kumment waqt is-serata, Dr Lydia Abela qalet li l-aħjar mod kif wieħed jista’ jfakkar lil Maestro Aurelio Belli huwa proprju permezz tal-mużika li tant ħabb u li għaliha ddedika parti kbira minn ħajtu. Hija sostniet li l-wirt li ħalla permezz tal-mużika tiegħu jibqa’ ħaj u jibqa’ jmiss lil dawk kollha li kellhom ix-xorti jiltaqgħu miegħu jew igawdu t-talent tiegħu.

Dr Abela tkellmet ukoll dwar l-importanza tal-ħidma ta’ Hospice Malta, partikolarment f’mumenti diffiċli fejn il-pazjent u l-familja tiegħu jkollhom bżonn mhux biss kura medika, iżda wkoll sapport, kumpanija, kompassjoni u dinjità. Hija faħħret il-ħidma imprezzabbli li Hospice Malta twettaq permezz tas-servizzi ta’ kura paljattiva u l-appoġġ li tagħti lill-pazjenti u lill-familji tagħhom.

Dr Lydia Abela, flimkien ma’ bintha Giorgia Mae, iltaqgħet ma’ bosta familji li attendew għal din is-serata b’għan nobbli u rringrazzjathom għall-ġenerożità tagħhom.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport