Thursday, December 26, 2024

Il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura l-Iskola Primarja tal-Imsida

• Investiment kwalitattiv ta’ €24 miljun fi skola carbon-neutral b’ambjent edukattiv mill-isbaħ

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura l-Iskola Primarja Achille Ferris tal-Imsida. Skola li twaqqgħet u reġgħet inbniet u hi carbon-neutral. Din l-iskola b’ambjent edukattiv mill-isbaħ żammet l-estetika tal-faċċata oriġinali tal-iskola u l-ambjent ġewwa huwa wieħed state-of-the-art b’għadd ta’ faċilitajiet.

L-iskola l-ġdida b’daqs ta’ 10,000 metru kwadru saret b’investiment ta’ €24 miljun fejn hemm finanzjament parzjali mill-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza ta’ Malta mingħand l-Unjoni Ewropea. Fl-iskola hemm attenzjoni speċjali għas-sostenibbiltà b’pannelli solari u żamma ta’ temperatura komda fil-klassijiet. L-iskola għandha wkoll madwar 40 klassi u tinkludi klassijiet għal suġġetti speċifiċi bħall-iżvilupp personali u soċjali, l-arti, il-mużika, ix-xjenza, il-litteriżmu, u l-etika.  Fl-iskola hemm ukoll librerija pubblika u sala, spazju rikreattiv għall-ħtiġijiet tal-komunità wara l-ħinijiet tal-iskola fosthom għall-użu ta’ Sea Scouts fl-Imsida. Taħt l-iskola hemm parkeġġ għall-karozzi fuq żewġ livelli.

F’indirizz li għamel il-Prim Ministru Robert Abela wara li żar l-iskola u ltaqa’ mal-istudenti fosthom waqt sessjoni tal-qari, huwa fisser dan l-investiment bħala xempju ta’ kwalità li qed isir mill-Gvern fis-settur edukattiv. “Illum qed ninawguraw skola carbon-neutral għax dan hu l-preżent u l-futur,” saħaq Dr Abela hu u jinnota li din hi l-qabża fil-kwalità li jrid jara f’kull investiment fil-pajjiż.

Il-Prim Ministru sellem ukoll lill-edukaturi li huma mutur ewlieni fl-edukazzjoni ta’ wliedna. Innota l-aqwa ftehim għall-edukaturi ta’ investiment u titjib fil-pagi u l-kundizzjonijiet tal-edukaturi ġej mis-saħħa ekonomika u soċjali li għandna f’pajjiżna u li jagħtuna l-opportunità li ninvestu f’oqsma kruċjali bħalma hu s-settur edukattiv. Qal li għalhekk qed ninvestu b’mod kwalitattiv. Il-Prim Ministru temm b’messaġġ lejn l-istudenti u l-edukaturi fl-iskola l-ġdida tal-Imsida fejn mhux biss awguralhom esperjenzi sbieħ f’ambjent ta’ kwalità iżda qal li lil hinn mill-binja, din l-iskola fil-forma ta’ proġett ta’ ġid għandha twassal biex it-tfal jaslu għall-aspirazzjonijiet tagħhom biex il-futur ikun ħajja ta’ kwalità.

Qabel l-inawgurazzjoni tkellem ukoll il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, li tkellem dwar l-importanza tal-inawgurazzjoni tal-iskola. “L-okkażjoni tal-lum mhix sempliċiment inawgurazzjoni ta’ binja edukattiva moderna u b’dak kollu meħtieġ għal edukazzjoni sħiħa, imma hija wkoll ċelebrazzjoni tal-futur tagħkom l-istudenti u tal-ħidma u l-impenn tagħkom l-edukaturi fis-settur edukattiv,” saħaq il-Ministru Grima. Min-naħa tagħha, il-Kap tal-iskola Graziella Vassallo ddeskriviet l-inawgurazzjoni tal-iskola bħala mument storiku. Qalet, “Il-ftuħ ta’ din l-iskola l-ġdida huwa sinjal ta’ tama, investiment fil-futur u opportunità biex nibdew kapitlu ġdid, mhux biss għalina bħala ħaddiema edukattivi imma wkoll għall-istudenti, għall-familji tagħhom u għall-komunità kollha kemm hi.”

Ekonomija

Sport