Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat minn martu, Dr Lydia Abela, u mill-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela żar il-Hard Rock Hotel Malta. Proġett li jirrappreżenta investiment ta’ madwar €350 miljun mid-db Group.
Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li dan l-investiment multi-miljunarju attira lejn pajjiżna waħda mill-aktar marki rinomati fid-dinja tal-ospitalità u d-divertiment. Huwa żied jgħid li dan huwa xhieda tal-ambizzjoni u l-kapaċità tal-intrapriża Maltija li tikber, tinvesti u twettaq proġetti ta’ skala internazzjonali.
Il-lukanda ta’ 5 stilel Hard Rock Hotel Malta tinkludi 400 kamra, diversi pixxini, aktar minn għaxar ristoranti, bars u postijiet ta’ divertiment, kif ukoll faċilitajiet ta’ livell għoli għall-benesseri, u l-fitness fost l-oħrajn.
“Investiment bħal dan ma nkejluhx biss mid-daqs tiegħu jew mill-faċilitajiet li qed joħloq, inkejluh ukoll mill-opportunitajiet li jiftaħ għan-nies tagħna. Qed nitkellmu dwar mijiet ta’ impjiegi ġodda u dwar karrieri f’oqsma differenti tal-ospitalità, mill-catering u l-amministrazzjoni tal-lukandi sad-divertiment, il-fitness u servizzi oħra speċjalizzati. Dan huwa l-valur miżjud li rridu naraw minn investiment ta’ kwalità f’pajjiżna,” qal il-Prim Ministru. Meta tkellem dwar il-futur tas-settur turistiku, il-Prim Ministru qal li dan il-proġett huwa konformi mad-direzzjoni li Malta qed tkompli tieħu favur turiżmu ta’ kwalità.
Huwa spjega li, wara li Malta rnexxielha tilħaq tragwardi importanti fl-għadd ta’ turisti li jżuruha, il-prijorità issa hija dik li l-pajjiż joffri aktar raġunijiet biex il-viżitaturi jagħżlu lil Malta, jibqgħu għal aktar żmien, iżuruna f’perjodi differenti tas-sena u jfittxu dejjem aktar esperjenzi ta’ kwalità ogħla.
Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem ukoll dwar l-importanza tal-istabbiltà ekonomika u l-fiduċja fil-futur biex Malta tkompli tattira investimenti ta’ din l-iskala. Huwa enfasizza li pajjiżna se jkompli joffri stabbiltà, ekonomija reżiljenti u direzzjoni ċara li tagħti ċertezza lin-negozji u fiduċja lill-investituri.
Dr Abela rrefera wkoll għall-miżuri li ħa l-Gvern, fosthom is-sussidji li ngħataw biex tinżamm l-istabbiltà, filwaqt li tenna l-impenn li din id-direzzjoni tkompli tinżamm għall-ġejjieni.
“L-istabbiltà tfisser li nagħtu ċertezza lil min irid jinvesti u jippjana għall-futur. Dan nagħmluh billi nieħdu d-deċiżjonijiet f’waqthom, nantiċipaw l-isfidi u nkomplu nibnu ekonomija li tagħti fiduċja kemm lill-familji kif ukoll lin-negozji,” temm jgħid il-Prim Ministru.
