X’għandhom komuni stazzjon antik tal-ferrovija, torri fortifikat u tempju preistoriku? Kollha jagħmlu parti mill-wirt storiku ta’ Malta u Għawdex, u huma eżempji ta’ kif il-fondi Ewropej jistgħu jgħinu biex nipproteġu u nħarsu l-postijiet u l-istejjer li jgħaqqduna mal-passat tagħna.
Il-ħarsien u l-konservazzjoni ta’ dan il-wirt jinvolvu ħafna aktar milli sempliċement nippreservaw bini antik. Ir-restawr, il-konservazzjoni, l-aċċessibbiltà, l-interpretazzjoni tal-wirt u l-użu tat-teknoloġija diġitali kollha jeħtieġu investiment kontinwu. Matul is-snin, il-fondi Ewropej sostnew diversi proġetti madwar il-Gżejjer Maltin li mhux biss jipproteġu siti storiċi, iżda joħolqu wkoll opportunitajiet ġodda biex il-pubbliku jifhem u jesperjenza aħjar il-wirt tagħna.
Matul Ottubru, fl-okkażjoni tal-Jiem Ewropej tal-Wirt Kulturali 2026, Servizzi Ewropej f’Malta se tkun qed tagħti prominenza lil uħud minn dawn il-proġetti permezz ta’ kampanja li se tiffoka fuq siti ta’ wirt storiku u kulturali madwar Malta u Għawdex. Din il-kampanja qed issir fi żmien addattat, hekk kif it-tema ta’ din is-sena, “Heritage at Risk: Revive, Resist, Reimagine”, tiffoka fuq il-ħarsien tal-wirt li jinsab f’riskju u fuq l-importanza li dan jibqa’ rilevanti għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Nagħtu ħajja ġdida lill-wirt tagħna
Il-fondi Ewropej sostnew diversi proġetti madwar Malta u Għawdex li mhux biss jippreservaw kapitli importanti mill-istorja tagħna, iżda jagħtu wkoll ħajja ġdida lil dan il-wirt.
Eżempju ċar huwa l-proġett ‘Re-living the Sacra Infermeria’. B’investiment ta’ aktar minn €4.2 miljun, dan il-proġett ibbenefika minn fondi taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali sabiex jiġu restawrati partijiet mis-Sacra Infermeria storika fil-Belt Valletta u titjieb l-aċċessibbiltà għalihom. Permezz ta’ esperjenza ta’ virtual reality, il-viżitaturi jistgħu jesploraw episodji mill-istorja ta’ Malta b’mod innovattiv. Dan juri kif it-teknoloġija tista’ tikkomplimenta l-ħidma ta’ konservazzjoni, filwaqt li tagħmel il-wirt storiku aktar aċċessibbli u interessanti għall-pubbliku.
Proġetti oħra taw ukoll funzjonijiet ġodda lil siti storiċi. Ir-restawr u t-trasformazzjoni li saret tat-Torri ta’ San Tumas f’Wied il-Għajn, f’mużew iddedikat lill-kursara u l-piraterija, kif ukoll ir-riabilitazzjoni u l-ftuħ mill-ġdid tal-istazzjon tal-ferrovija fi Ġnien l-Istazzjon bħala mużew iddedikat għall-istorja tal-ferrovija f’Malta, taw ħajja ġdida lil dawn il-postijiet storiċi. Proġetti bħal dawn huma essenzjali biex aspetti inqas magħrufa mill-istorja tat-trasport u l-wirt marittimu ta’ Malta jerġgħu jingħataw l-attenzjoni li jixirqilhom.
Inwessgħu l-potenzjal tal-wirt storiku u kulturali tagħna
Li nagħtu ħajja ġdida lill-postijiet storiċi huwa biss parti minn ħidma ferm usa’. Matul is-snin, il-fondi Ewropej għenu biex is-siti ta’ wirt storiku u kulturali jsiru parti integrali mill-offerta kulturali u turistika ta’ Malta.
Eżempju ta’ dan huwa r-riabilitazzjoni u r-restawr taċ-Ċittadella f’Għawdex. Permezz tal-fondi Ewropej, sar investiment fir-restawr ta’ wieħed mill-aktar siti emblematiċi tal-gżira, filwaqt li tjiebet ukoll l-esperjenza tal-viżitaturi. Dan il-proġett kiseb rikonoxximent waqt ir-Regiostars Awards tal-2022, hekk kif rebaħ il-Premju tal-Pubbliku fost numru ta’ proġetti minn madwar l-Unjoni Ewropea.
Madankollu, l-importanza ta’ investimenti bħal dawn tmur lil hinn mir-restawr innifsu. Il-wirt storiku u kulturali jista’ jattira aktar viżitaturi, isaħħaħ l-identità lokali u joħloq opportunitajiet ġodda għall-iżvilupp kulturali u ekonomiku. Hekk kif ir-Rabat, Għawdex, ġiet rrakkomandata biex tkun il-Kapitali Ewropea tal-Kultura għall-2031 f’Malta, il-wirt Għawdxi mistenni jkollu rwol importanti fil-futur kulturali tal-gżira.
Dawn il-proġetti juru li l-ħarsien tal-wirt storiku u kulturali mhuwiex biss kwistjoni ta’ preservazzjoni tal-passat. Huwa wkoll investiment biex niżguraw li l-postijiet storiċi tagħna jibqgħu aċċessibbli, jinftiehmu aħjar u jingħataw il-valur li jixirqilhom fil-preżent.
Matul Ottubru, segwu lil Servizzi Ewropej f’Malta fuq Facebook, Instagram u LinkedIn biex tiskopru aktar proġetti marbuta mal-wirt storiku u kulturali f’Malta u Għawdex li bbenefikaw minn fondi Ewropej, kif ukoll l-istejjer li hemm warajhom.
Għal aktar informazzjoni, ikkuntattjaw lil Servizzi Ewropej f’Malta fuq [email protected] jew ċemplu fuq 2779 7300.
