Il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) esprima l-appoġġ sħiħ u bla ebda riżerva tiegħu għall-impenn li ħabbar il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, l-Onor. Glenn Bedingfield, biex tissaħħaħ il-ġlieda nazzjonali kontra d-droga, it-traffikar tad-droga u n-netwerks kriminali responsabbli mit-tqassim tagħha.
L-MCESD enfasizza li t-traffikar tad-droga u l-attivitajiet kriminali organizzati jirrappreżentaw theddida serja għas-soċjetà Maltija, b’mod partikolari għall-familji, iżżgħażagħ u l-komunitajiet. Minbarra l-impatt tagħhom fuq is-sigurtà pubblika u l-benesseri tassoċjetà, dawn l-attivitajiet idgħajfu wkoll in-negozji leġittimi, jaffettwaw l-ekonomija u jagħmlu ħsara lin-nisġa soċjali tal-pajjiż.
F’dan ir-rigward, l-MCESD laqa’ d-determinazzjoni tal-Ministru li jsaħħaħ l-isforzi nazzjonali kontra d-droga u l-kriminalità organizzata, filwaqt li saħaq li biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi hemm bżonn approċċ koordinat u impenn kollettiv mis-setturi kollha tas-soċjetà. Filwaqt li l-Kunsill laqa’ t-tħabbira tal-Ministru Bedingfield li jsaħħaħ il-ġlieda kontra d-droga, il-Kunsill saħaq li dak li fl-aħħar mill-aħħar jgħodd mhuwiex id-dikjarazzjonijiet ta’ intenzjoni, iżda azzjoni konkreta u riżultati li jistgħu jitkejlu.
Dan għandu jinkludi wkoll evalwazzjoni talpolitiki eżistenti dwar id-droga u tal-effettività tagħhom. Il-Kunsill esprima wkoll l-apprezzament u s-solidarjetà tiegħu mal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, il-Forzi Armati ta’ Malta, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, is-servizzi tal-emerġenza flisptarijiet u l-ħaddiema kollha fuq quddiem nett li jaħdmu bla heda biex jipproteġu l-ħajjiet, iżommu s-sigurtà pubblika u jħarsu lill-komunitajiet.
L-MCESD appella lill-partiti politiċi kollha, lill-organizzazzjonijiet soċjali, lillassoċjazzjonijiet sportivi, lill-kunsilli lokali, lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi u lill-gruppi komunitarji biex jingħaqdu f’dan l-isforz nazzjonali. Il-Kunsill saħaq li l-ġlieda kontra d-droga għandha tmur lil hinn mid-differenzi politiċi u mill-interessi individwali, filwaqt li rrikonoxxa li l-ħarsien tas-soċjetà huwa responsabbiltà komuni.
Permezz tal-organizzazzjonijiet li jiffurmaw parti minnu, li jirrappreżentaw lil min iħaddem, lill-ħaddiema u lis-soċjetà ċivili, l-MCESD tenna l-impenn tiegħu li jappoġġja inizjattivi li jikkontribwixxu għal Malta aktar sigura, b’saħħitha u reżiljenti.
Il-Kunsill temm billi enfasizza li l-ġlieda kontra d-droga tmur lil hinn mill-politika u teħtieġ responsabbiltà kollettiva, kooperazzjoni kontinwa u determinazzjoni. L-MCESD saħaq li Malta għandha titkellem b’vuċi waħda, tibqa’ magħquda u taġixxi b’determinazzjoni.
