Saturday, October 26, 2024

IL-PROBLEMA TA’ IŻRAEL

Aqra wkoll

Wieħed jisma’ dwar il-ħtieġa assoluta għal Iżrael li tipproteġi s-sigurtà tagħha, anzi d-dritt tagħha li teżisti. Imma bil-ġrajjiet tal-aħħar snin, dal-pajjiż jinsab riesaq lejn qagħda fejn biex jasal għal dawn l-għanijiet, irid iwettaq atti tal-aqwa qrusa.

Biex inkun ċar: ġenoċidji. Inkella mhux se jkun hemm “sigurtà” dejjiema. Jekk madwarhom mhux se jibnu deżert li minnu jkunu tneħħew b’mod jew ieħor dawk li joqogħdu fih qatt – kif sejrin l-affarijiet – mhuma se jħossuhom siguri, bil-mod kif qed jiddefinixxu s-sigurtà “tagħhom”. Imma anke jekk jirnexxilhom f’dan l-estrem, se jkunu qed joħolqu għall-ġenerazzjonijiet futuri Iżraeljani l-bidu ta’ qerda ġdida tagħhom stess, li xi darba jew oħra, hi wkoll tosa’ tispiċċa assoluta.

Il-mexxejja ta’ Iżrael ma jistgħux jinħaslu mill-ħtija għal li qed jiġri, anke jekk fl-aħħar sena, kellhom jilqgħu għall-attakki terroistiċi moqżieża kontra ċ-ċittadini tagħhom. Tbiegħdu għal kollox mil-linja li hi biss setgħet twaqqaf dan id-diżastru, dik imfassla minn Yitzah Rabin, li ma nqatilx mit-terroristi Palestinjani.

LIL MIN TKELLEM

Din tgergira li tisma’: Igħidulek li se nisimgħuk u li qiegħdin hemm biex nisimgħuk. Meta naslu għas-smigħ, jagħtuk numru tat-telefown fejn hemm il-customer service jew l-isem ta’ xi ħadd li jista’ jkellmek. Imma jien lil min qalli li se jismagħni ridt inkellem, mhux xi ħadd li mingħand Pilatu jibgħatni għand Kajfa!

Tgergira oħra: B’dawn il-ministri u s-segretarji parlamentari kollha, kif hu daqstant diffiċli biex ikollok taħdita wiċċ imb’wiċċ u bla kantunieri ma’ uħud minnhom?

Frankament, ma nafx kemm huma ġustifikati dawn l-ilmenti. Fi snin imgħoddija kienu jinstemgħu ukoll. Biss, jibqa’ l-punt li smajthom f’dawn iż-żminijiet.

KWALITÀ

Ingħidu ħafna bir-raġun dwar kif l-ekonomija tagħna trid tikkompeti ma’ ħaddieħor fuq kwalità, mhux l-anqas fis-servizzi li nagħtu u fil-prodotti li nlestu għall-bejgħ.

F’termini ta’ volum, kemm il-qasam tal-produzzjoni ta’ oġġetti u kemm dak tas-servizzi qed jitmexxew b’suċċess. Is-settur tas-servizzi speċjalment jinsab sejjer tajjeb ħafna. Hu għalhekk li l-ekonomija baqgħet tikber b’rata qawwija.

Madankollu, baqgħet tingħata biżżejjed attenzjoni għal titjib fil-kwalità? X’qed sir għal dan il-għan?

Għax kollox ma’ kollox, hu aktar faċli li tiggarantixxi u twettaq standards ta’ kwalità fil-produzzjoni ta’ oġġetti materjali u teknoloġiċi, milli fil-provista ta’ servizzi. Fl-aħħar żminijiet forsi speċjalizzajna wisq fil-provista ta’ servizzi, fit-turiżmu quddiem nett, fejn kriterji ta’ numri u volum, qed jegħlbu dawk li jikkonċernaw il-kwalità. Jekk fil-qasam tal-produzzjoni industrijali (li qed jiċkien b’kejl relattiv) qed insostnu l-livelli meħtieġa ta’ kwalità, kemm jista’ jingħad l-istess għall-qasam tas-servizzi?

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport