Saturday, April 20, 2024

IL-PROBLEMA TAT-TRAFFIKU … MHIX SOLUZZJONI FAĊLI

Aqra wkoll

Hekk kif issa l-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena għadddew, ħafna ħaddiema reġgħu lura b’mod normali għax-xogħol. Dan bla dubju wassal għal żieda fit-traffiku fit-toroq tal-pajjiż. Konxji ta’ dan l-aġenziji u l-awtoritajiet responsabbli mit-trasport, jixraq li jkomplu jagħtu l-attenzjoni għaż-żieda ta’ karozzi privati. 

Ħadd m’għandu bakketta maġika li jsolvi mil-lejl għan-nhar il-problemi li jinħolqu minn trasport massiv fit-toroq Maltin. Għalkemm waħda mis-soluzzjonijiet kienet trasport pubbliku bla ħlas għal kulħadd donnu jidher li ftit li xejn żdied l-użu tal-karozzi tal-linja.

Iż-żieda ta’ karozzi privati fit-toroq tixhed l-affluwenza li hawn fil-pajjiż, tant li aktar nies qed jixtru aktar karozzi li dan qed iwassal kważi għal medja ta’ 60 karozza ġdida kuljum. Illum hawn familji li kull membru tagħha għandu karozza. Tant li titwila lejn l-Università ssib li kważi l-biċċa l-kbira tal-istudenti jmorru bil-karozza privata tagħhom. 

F’din is-sitwazzjoni x’inhi s-soluzzjoni? Titwaqqaf l-importazzjoni ta’ karozzi? Is-sewqan ta’ karozzi privati jsir b’roster? Mhijiex soluzzjoni faċli u għaldaqstant hija inġusta kull kritika li ssir għall-fatt li ħafna mit-toroq qed jinbnew mill-ġdid u jitwessgħu. 

Malta hi dik li hi u ħadd u xejn ma jista’ jwaqqaf il-progress. B’dan m’aħniex niġġustifikaw il-konġestjonijiet li jinħolqu minn volum tat-traffiku qawwi fit-toroq. Imma almenu huwa ta’ min japprezza l-isforzi li qed isiru biex pajjiżna jkollu strateġija sabiex jonqsu l-karozzi privati mit-toroq. 

Xi proġetti infrastrutturali diġà bdew iħallu riżultati pożittivi bi tnaqqis tal-konġestjoni tat-traffiku fosthom is-Central Link li fil-bidu tiegħu qanqal ħafna protesti iżda llum donnu li kulħadd qed japprezza li mnalla dan il-proġett tlesta.

Għalhekk huwa għaqli jekk qabel nibdew nikkritikaw, nistudjaw u naraw l-affarijiet minn perspettiva pożittiva. Inħarsu ‘l quddiem li l-proġetti li hemm għaddejjin bħalissa, fosthom dak biswit l-ajruport, jitlesta fi żmien tiegħu jiġifieri kif ingħad lejn nofs din is-sena. B’hekk ikun ingħalaq kapitlu li l-intenzjoni tiegħu kienet mill-bidu nett li tnaqqas it-traffiku minn dawk l-inħawi. 

Dan igawdu minnu mhux biss iċ-ċittadini imma wkoll l-ambjent kemm-il darba jitnaqqsu l-emissjonijiet.

Sport