Friday, May 2, 2025

Il-Proċess ta’ Luttu wara t-Telfa ta’ Annimal Domestiku

Aqra wkoll

It-telfa ta’ annimal domestiku tista’ tkun esperjenza ta’ uġigħ emozzjonali profond li ħafna nies forsi ma jkunux imħejjija għaliha. Għal ħafna minna, l-annimali domestiċi mhumiex sempliċement ħlejjaq li nieħdu ħsiebhom, huma membri tal-familja, hbieb leali, u imsiehba fil-ħajja ta’ kuljum tagħna. Meta dawn jitilfu ħajjithom, in-niket li nħossu jista’ jkun paragunabbli ma’ dak ta’ persuna għażiża.

Esperjenza Personali

Ftit ġranet ilu, bhala familja, tlifna lil kelb. Kien jismu Champ u ħabib leali li ghex għal tnax-il sena sħaħ. Mhux faċli niddeskrivi dak il-vojt li ħalla warajh. Ma kienx biss kelb. Kien jagħti l-imħabba bla kundizzjoni u jiġri jifrah b’kull min jidħol id-dar wara li jserrah mohhu li huma minn taghna.  llum, din il-preżenza m’għadhiex hemm u id-dar tinhass differenti minghajru.

Din it-telfa ġegħlitni nirrifletti aktar fuq kemm hu importanti li nirrikonoxxu l-emozzjonijiet tagħna meta nitilfu annimal. M’hawnx bżonn niskantaw ruħna jekk inħossuna mitlufa, nieqsa, jew saħansitra nħossu ħtija fuq affarijiet żgħar li għamilna jew ma għamilniex. Dak hu l-proċess tal-luttu, u kull pass fih huwa validu.

Il-Vera Tifkira ta’ Ħabib Leali

Annimal bħal kelb jgħix magħna għal snin twal u jagħmel parti mill-memorji ta’ ħajjitna. Kultant jifhmu l-emozzjonijiet tagħna aktar minn ħafna nies. Allura, meta jitilfu ħajjithom, inħossu vojt li diffiċli nispjegawh.

Xi drabi nisma’ nies jgħidu “kien biss kelb,” imma dik il-frażi turi kemm għad hemm nuqqas ta’ taghlim dwar dan it-tip ta’ relazzjoni. L-annimal tagħna jifforma parti mill-identità tagħna dak li aħna kuljum.

Il-Luttu Ma Għandux Skadenza

Kull persuna tgħaddi mill-luttu b’pass tagħha. M’hemmx “żmien normali” għal kemm għandu jdum in-niket. Hemm min jibda jħoss il-weġgħa immedjatament, u min iħoss l-impatt aktar tard. Jien personalment għadni fil-bidu ta’ din il-mixja emozzjonali  u għalkemm għaddew biss ftit ġranet, inħoss in-nuqqas tiegħu spiss, specjalment meta nkun id-dar.

Xi azzjonijiet li qed jgħinuni, u li jistgħu jgħinu wkoll lil oħrajn, jinkludu li nitkellem dwaru ma’ nies qrib tiegħi. Naf li b’dan mhux biss qed infakkru, imma qed intaffi ftit l-uġigħ. Haga ohra hi li nqatta ftit ħin nara ritratti tiegħu. Dawn jġibuni aktar viċin tiegħu. Finalment, nipprova naċċetta l-biki u n-niket ghax nemmen li l-biki mhux dgħufija, imma forza li tagħtina spazju biex infejqu minn ġewwa.

Tgħin lit-Tfal u lilna nfusna

Jekk għandek tfal jew persuni żgħar madwarek, il-mod kif titkellem dwar dan jista’ jgħinhom ukoll jitgħallmu dwar l-imħabba u t-telfa. L-istess jgħodd għalina adulti. Kultant ninsew kemm għandna bżonn ukoll inkunu ġentili magħna nfusna speċjalment f’mumenti ta’ dwejjaq bħal dan.

Ħin għal Fejqan, Mhux Sostituzzjoni

Bħalissa, l-idea li ndaħħal kelb ieħor mhix preżenti f’moħħi. Mhux għax ma rridx nerġa’ nħobb annimal iżda għax għandi bżonn inġib lura l-paċi interna qabel nagħmel spazju għal kapitlu ġdid. Kull ħlejqa għandha postha fil-qalb tagħna, u dik il-post għandha tiġi rispettata.

L-Imħabba Ma Tmut Qatt

Champ, li hemm fir-ritratt, bhala familja, taghna hafna aktar milli stennejt. Fuq kollox, taghna lezzjoni important, l-imħabba vera ma titlobx imma toffri. Meta tiltaqa’ magħha, tibqa’ għal dejjem f’qalbek. Huwa għalhekk li għalkemm mhux iżjed hawn b’mod fiżiku, għadni nħossu miegħi f’memorji, u f’mumenti ta’ silenzju.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport