Monday, December 23, 2024

Il-proċess tal-għadd tal-voti mistenni jibda l-Ħadd fid-9.00 a.m.

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-proċess tal-għadd tal-voti, li minnu jittieħdu l-kampjuni tar-riżultat tal-elezzjoni ġenerali wara li l-poloz tal-voti jibdew jinqalbu wiċċhom ‘il fuq, mistenni jibda l-Ħadd fid-9.00 a.m..

Dan intqal f’konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mill-Kummissarju Elettorali Prinċipali Joseph Camilleri fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar li fiha ta l-aħħar dettalji b’rabta mal-votazzjoni fl-elezzjoni ġenerali ta’ għada s-Sibt u l-proċess elettroniku tal-għadd tal-voti tal-Ħadd. 

Is-Sur Camilleri qal li l-votazzjoni tibda fis-7.00 a.m. u tagħlaq fl-10.00 p.m. B’kollox hemm 742 kaxxi tal-votazzjoni li huma mqassma f’116-il ċentru madwar il-pajjiż. 

Apparti minn hekk, se jkun hemm ċentri oħra fejn jistgħu jivvutaw dawk li huma pożittivi għall-Covid-19 jew jinsabu fi kwarantina. Dawn jinsabu f’Ħal Far, Pembroke, l-MCAST Raħal Ġdid, Life Sciences, Ta’ Qali, Smart City u ix-Xewkija u fl-Isptar Mater Dei. 

Huwa stmat li f’dawn iċ-ċentri tal-Covid se jivvutaw madwar 4,200 persuna. Il-voti ta’ dawn iċ-ċentri se jkunu qed jingħaddu f’parti oħra tas-sala tal-għadd tal-voti.

“Qegħdin jittieħdu l-passi kollha neċessarji biex niżguraw li l-votazzjoni ssir b’mod sigur u b’mod li tipproteġi s-saħħa tal-pubbliku. Huwa importanti li tintlibes il-maskra u tinżamm id-distanza soċjali. Se jkun hemm hand-sanitizers fuq il-post,” spjega s-Sur Camilleri. 

Huwa qal ukoll li meta persuna tmur tivvota tista’ tiġi mitluba tniżżel il-maskra, biex jassiguraw l-identità tal-persuna li jkun qed jippreżenta d-dokument tal-vot. Fakkar li l-użu ta’ mobile phones, cameras jew apparat ieħor fotografiku fil-postijiet tal-vot huwa projbit.

Fl-istess konferenza ntqal li l-għadd tal-voti b’mod elettroniku kien ta’ suċċess l-ewwel darba fl-2019 fl-elezzjonijiet tal-PE u tal-Kunsilli Lokali. L-istess proċess se jerġa’ jiġi wżat fl-elezzjoni ġenerali tal-2022.

Hekk kif il-postijiet tal-votazzjoni jagħlqu fl-10.00 p.m., il-kaxxi tal-voti jiġu trasportati lejn il-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar. 

Mal-wasla tagħhom, il-kaxxi jitwasslu f’żona fis-sala tal-għadd tal-voti u jinħażnu fl-istrong room, minn fejn imbagħad jibdew jinħarġu kaxxa wara kaxxa u jitqiegħdu fuq l-imwejjed rispettivi għall-iskennjar. 

Il-poloz tal-votazzjoni se jkunu mpoġġija rashom ‘l isfel organizzati f’kaxex u mqiegħda fi xkafef f’żona riservata u viżibbli għall-kandidati u l-aġenti tal-kandidati. 

F’ħin li jkun deċiż minn qabel, il-Kummissjoni tawtorizza li jibdew jinqalbu l-poloz tal-voti u juruhom lill-aġenti li jkunu qed josservaw il-proċess kollu minn wara l-perspex.

Il-poloz tal-votazzjoni jiġu proċessati b’mod organizzat kaxxa wara l-oħra. Kull polza tal-votazzjoni mmarkata dubjuża mill-aġenti tiġi ttimbrata fuq quddiem bil-kelma dubjuż. F’dan il-format, il-poloz jintbagħtu għall-iskennjar. 

Huwa antiċipat li l-Kummissjoni Elettorali toħroġ ir-riżultat uffiċjali tard il-Ħadd filgħaxija jew kmieni t-Tnejn filgħodu, li jinkludi wkoll il-kandidati kollha eletti. 

Ekonomija

Sport