Apparat tekonoloġiku “smart” li jintuża minn produtturi kbar tal-ikel jista’ jkun f’riskju li jiġi sfruttat minn hackers u tiġi mxekkla l-provvista tal-ikel.
Esperti tas-sigurtà tal-internet qalu li hemm possibbiltà kbira li hackers jistgħu japprofittaw ruħhom minn nuqqasijiet ta’ sigurtà li magni ta’ dan it-tip jista’ jkollhom u b’hekk dan jista’ jwassal għal kriżi fis-sistema tal-produzzjoni tal-ikel li taf tkun waħda globali.
L-esperti kienu qegħdin jitkellmu dwar apparat li jiżra’ u jaħsad il-prodotti fl-għelieqi. Illum il-ġurnata l-kumpaniji li jipproduċu l-ikel jagħmlu użu minn magni sofistikati u “intelliġenti” biex ikunu jistgħu jkabbru iktar prodotti u jlaħħqu mad-domanda globali. Fost dawn huma jużaw magni tal-bexx, drones, u anke magni robotiċi li jagħmlu l-ħsad b’mod awtomatiku. L-esperti qalu li dawn kollha jistgħu jkunu attakkati minn hackers. Kemm il-Gvern Britanniku u anke l-FBI qed iwissu biex tittieħed azzjoni malajr kemm jista’ jkun, u dan hekk kif fil-preżent is-sistema globali tal-ikel diġà tinsab imxekkla bil-kunflitt ġewwa l-Ukrajna.
L-aħħar ġenerazzjoni ta’ magni robotiċi fl-agrikoltura jużaw l-intelliġenza artifiċjali, u b’hekk inaqqsu ħafna l-involviment uman u jagħmlu l-ħajja iktar faċli. Ta’ min jgħid iżda li t-teknoloġija għadha ma avvanzatx biżżejjed biex telimina totalment l-idejn umani, speċjalment fil-ħsad ta’ prodotti delikati bħalma huwa l-asparagu.