Sunday, December 22, 2024

Il-proġett biswit l-Ajruport mistenni jitlesta sa April kif kien pjanat

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-proġett tal-mini ta’ Ħal Kirkop u l-Intersezzjoni tal-Ajruport (KTAIP) miexi kif ippjanat u mistenni li d-data tat-tlestija kompleta tiegħu tinżamm. Dan minkejja li l-maltemp li għamel fl-aħħar jiem xekkel xi ftit il-ħidma li għaddejja fuq dan il-proġett hekk kif l-asfalt li kellu jingħata fuq in-naħa ta’ Triq il-Karwija, kellu jiġi pospost.

Ikkonferma dan kelliem għal Infrastructure Malta f’kummenti li għadda lil Talk.mt b’rabta max-xogħlijiet li għaddejjin fuq dan il-proġett, li issa wasal fl-aħħar stadji tiegħu. 

L-istess kelliem qalilna li: “Mexjin biex fil-jiem li ġejjin niftħu 75% tar-rotot tal-proġett inkluż il-flyover il-ġdida. B’hekk niffukaw fuq l-aħħar parti tal-proġett, il-parti hekk kif toħroġ mill-mini ta’ Ħal Kirkop fid-direzzjoni lejn Ħal Luqa.” Qal li huwa ppjanat li l-proġett kollu jitlesta lejn April li ġej.

Dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ €18-il miljun u se joffri konnessjonijiet aktar faċli u siguri lejn Ħal Luqa, il-Gudja, Birżebbuġa, Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, iż-Żurrieq u Ħal Safi kif ukoll inħawi oħra fil-viċinanzi.

Il-proġett jinkludi wkoll il-bini mill-ġdid ir-roundabout tal-Gudja li se tinkludi mina lejn Birżebbuġa, kif ukoll faċilitajiet ġodda għal mezzi alternattivi ta’ vvjaġġar. Huwa ppjanat li dan il-proġett jitlesta sa April li ġej. 

Proġett ieħor li jikkumplimentah huwa dak tal-junction ta’ Ħal Luqa. Fl-aħħar jiem, Infrastructure Malta bdiet tagħti l-asfalt biex tinbena mill-ġdid it-triq li tgħaqqad Vjal l-Avjazzjoni ma’ Triq il-Kunsill tal-Ewropa.

Iż-żewġ proġetti flimkien se jnaqqsu l-ħin tal-ivvjaġġar sa 74% f’kull direzzjoni tul din ir-rotta u se jkunu konfinanzjati mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa tal-Unjoni Ewropea. 

Ekonomija

Sport