Saturday, December 21, 2024

Il-proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Taċ-Ċawla f’Għawdex wasal biex jitlesta

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri, flimkien mal-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes, żaru l-proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali fiż-żona magħrufa bħala Taċ-Ċawla, fir-Rabat Għawdex.

Il-Ministru Camilleri sostna li x-xogħol relatat mal-kostruzzjoni ta’ tmien appartamenti u t-tlestija tagħhom intemm qabel tmiem is-sena, hekk kif kien imwiegħed. “Issa qegħdin nassiguraw li s-soft areas taż-żona, jingħataw l-attenzjoni li jixirqilhom, biex b’hekk inkunu żammejna l-kelma tagħna mar-residenti tal-madwar u mal-inkwilini prospettivi li ser jibbenefikaw minn dawn it-tmien appartamenti ġodda u tal-aqwa livell,” irrimarka l-Ministru Camilleri.

“Dan hu testment ieħor tar-ruħ soċjali ta’ dan il-Gvern li apparti l-għajnuniet soċjali bla preċedent li ngħataw Budget wara l-ieħor, fi ftit ġimgħat oħra ser inkunu qed noffru dawn l-appartamenti moderni, aċċessibbli u li jirrispettaw l-ambjent, lil tmien familji oħra,” qal il-Ministru Camilleri.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes stqarr li dan il-proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali se jkompli jkun ta’ spalla għal dawk l-individwi li jeħtieġu l-għajnuna u l-appoġġ tal-Istat.

Il-Ministru spjega li permezz ta’ dan il-proġett, li jinsab fi stadju avvanzat, l-Awtorità tad-Djar se tkompli tgħin sabiex iktar familji jsiru benefiċjarji ta’ dan il-proġett soċjali, proġett li jkompli jgħolli l-kwalità tal-ħajja tal-istess individwi.

Il-proġett ta’ riġenerazzjoni taż-żona Taċ-Ċawla qed isir fuq medda ta’ art ta’ 3,750 metru kwadru. 330 metru kwadru minnhom, jiġifieri 9% tal-ispazju eżistenti, ser ikun iddedikat għall-akkomodazzjoni soċjali. Fil-kumplament tal-ispazju, dak ta’ tliet tomniet, qed jiġi ġġenerat bi playing field, outdoor gyms, żona rikreattiva b’water features kif ukoll landscaping estensiv.

Dan il-proġett assigura li l-ebda siġra ma’ tiġi mitlufa, anzi, aktar siġar indiġeni ser jiġu mħawla fiż-żona.

Ekonomija

Sport