Saturday, December 14, 2024

“Il-proġett tal-marina se jieqaf minnufih” – Il-PM Robert Abela

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru jisħaq dwar il-bżonn ta’ aktar investiment f’Wied il-Għajn

Waqt it-tieni diskussjoni fil-kampanja elettorali minn Marsaskala, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar l-ekonomija li tippermettilek tagħmel titjib fil-kwalità tal-ħajja tan-nies. 

Tkellem dwar il-bżonn tal-ħtieġa ta’ investiment f’Wied il-Għajn. Abela spjega dwar is-sejħa ta’ ħila teknika biex tinbena marina f’Wied il-Għajn. Qal li l-proġett kien wasal fi stadju bikri ferm. Minkejja dan meta ra l-pjanta mill-ewwel kien tkellem dwar il-prinċipji li kull min kien se juri interess ried jimxi magħhom u fost dawn kienet il-preżervazzjoni taż-żoni tal-għawm, osservazzjoni tat-tradizzjonijiet u soluzzjoni għal kull min għandu rmiġġ fil-bajja.

Abela qal li minkejja dan ma waqafx hemm. Kompla biex jgħid li fehem lin-nies u tkellem magħhom. Iżda baqgħet fin-nies ċertu biża’ li kienu se jitilfu l-iżvog li jinżlu fil-bajja, jieklu xi ħaġa minn hemm jew jimxu xi mixja. Apparti dan kollu, meta tkellem mal-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg wkoll wera t-tħassib tiegħu u wara li dan il-gvern baqa’ jisma’ lin-nies u t-tħassib tagħhom, ittieħdet id-deċiżjoni li l-proġett jieqaf minnufih.

Aktar spazju miftuħ

Abela qal li hemm proġett tal-Università Amerikana u l-gvern kellu l-għażla li jiscrappja dan il-proġett u jinqala mill-kuntratt jew li dan il-proġett jitwassal imma fil-viżjoni tal-linja l-ġdida tiegħu. Tkellem dwar l-art taż-Żonqor u li wara diskussjonijiet mal-kuntrattur, din se tkun qiegħda tiġi liberata u l-istess se jsir f’Bormla fejn l-art li kienet se tiġi żviluppata f’dormitorju se tiġi liberata wkoll. Iżda l-proġett u l-estensjoni se ssir kollha xorta fi Smart City u dan jikkonferma l-għaqal tal-ħidma tal-gvern.

L-art taż-Żonqor lura lin-nies fl-ewwel 100 ġurnata mill-mandat

Tkellem dwar Bormla u kif il-proġett li se jkun qiegħed isir se jinkludi spazju aħdar miftuħ u parkeġġ taħt l-art. Huwa qal li l-gvern qiegħed jagħti lura lin-nies aktar spazju. Filwaqt li wiegħed li hemm ix-xogħol kollu lest, spjega li dawn huma l-fatturi li fuqhom il-poplu se jkun qiegħed jagħżel lil min jagħti l-fiduċja tiegħu fis-26 ta’ Marzu. 

“Jien inwiegħed li jekk nerġa’ ningħata l-fiduċja fl-ewwel mandat tiegħi bħala Prim Ministru, fl-ewwel 100 ġurnata l-art taż-Żonqor tingħata lilkom in-nies.

L-impjant tar-riċiklaġġ jinbidel fi spazju aħdar

Aħbar oħra sabiħa għar-residenti ta’ Wied il-Għajn kienet li beda l-proċess biex l-impjant ta’ riċiklaġġ jibda jingħalaq. L-attività relatata mal-proċess tal-iskart bdiet tonqos u meta jingħalaq il-proċess biex jingħalaq l-impjant se tkun qiegħda tiżdied 20,000 metru kwadru ieħor ta’ spazju aħdar għar-residenti ta’ Wied il-Għajn u għall-komunità b’mod ġenerali.

Żieda fid-dħul bi tnaqqis fit-taxxi

Rigward it-tnaqqis fit-taxxa, Abela qal li l-formula ta’ ħaddieħor kienet li biex iżid id-dħul kien iżid it-taxxa, iżda dan il-gvern jaħdem mod ieħor. Huwa spjega li meta tbaxxi r-rata ta’ taxxa tkun qiegħed tinċentiva lin-nies biex jaħdmu aktar, tiżdied il-produttività, jiżdiedu l-pagi, jiżdied il-konsum u se jkollok aktar ġbir ta’ taxxi.

Spalla man-negozji

Il-Prim Ministru qal li n-negozji jafu min kien ta’ spalla magħhom f’dawn l-aħħar sentejn. Huwa qal li dan il-gvern kellu tbassir ta’ qgħad li jiżboq il-50,000 persuna u llum għandna l-inqas rata ta’ qgħad. Spjega li l-miżura tat-tnaqqis tal-Corporate Tax Rate minn 35 fil-mija għal 25 fil-mija fuq l-ewwel €250,000 ta’ qliegħ hija l-aqwa dimostrazzjoni ta’ fiduċja li għandna fin-negozji tagħna.

Rispett waqt il-kampanja elettorali

Il-Prim Ministru appella dwar ir-rispett lejn xulxin u stqarr li ma jixtieqx jara firda matul din il-kampanja. Huwa spjega li d-differenza bejn il-partiti hija bejn jekk nissuggrawx dak kollu li ksibna, jew nibnux u ntejbu fuq il-ħafna li sar. “L-għażla bejn il-passat u l-futur. Aħna dejjem konna moviment li ħadem biex itejjeb il-qagħda tan-nies u hekk irridu nibqgħu naħdmu billi nħaddmu l-prinċipji li jiddefinuna u jiggwidawna u għalhekk Malta flimkien il-Futur sabiħ”, temm Abela

Ekonomija

Sport