Friday, December 13, 2024

Il-programm Awla dwar l-omiċidji jista’ jsir

Aqra wkoll

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili rrevokat il-mandat ta’ inibizzjoni li permezz tiegħu kien twaqqaf il-programm Awla li kellu jixxandar il-ġimgħa li għaddiet fuq l-istazzjon ONE u li kien se jiddiskuti l-omiċidji.

Justin Borg, li qed jiġi mixli bil-qtil ta’ Chantelle Chetcuti, ressaq rikors fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fejn talab lill-Qorti żżomm lil ONE Productions Ltd u l-preżentatur tal-programm Dr Luke Dalli milli jxandru l-intervista ma’ omm Chantelle jew li jiddiskutu dan l-omiċidju. 

Borg sostna li jekk jiġi diskuss l-omiċidju fil-programm huwa kien se jsofri preġudizzju. 

L-Imħallef Anna Felice tkellem dwar il-bilanċ essenzjali bejn il-jedd tal-akkużat għall-preżunzjoni  tal-inoċenza tiegħu u min-naħa l-oħra l-libertà tal-espressjoni kemm tax-xandar kif ukoll tal-vittma tar-reat.

“Dan il-bilanċ huwa partikolarment sensittiv f’pajjiż żgħir bħal Malta fejn materja ta’ interess ‘lokali’ tieħu bilfors xejra ta’ interess ‘nazzjonali’, fejn ukoll ikun dejjem prattikament impossibbli li jinstabu ġurati li jkunu totalment sajma mill-informazzjoni dwar il-każ li jintalbu jiġġudikaw,” qalet il-Qorti. 

Fl-istess waqt, il-Qorti kkunsidrat ukoll l-obbligu u d-dritt ta’ xandar li jipprovdi informazzjoni partikolarment f’sitwazzjonijiet fejn reat ikun qajjem interess kbir fil-poplu inġenerali. 

B’rabta ma’ dan il-każ, ingħad li Borg kien sejjes l-ilment tiegħu fuq “promo” ta’ ftit sekondi mxandra fuq il-paġna ta’ Facebook tal-istess programm. Il-Qorti qalet li kellha l-okkażjoni li tara l-istess clip u tinnota li waħedha ma tidhirx li qiegħda b’xi mod tikser id-drittijiet ta’ Borg kif qiegħed jilmenta.

Qalet li l-kontenut tal-programm f’dan l-istadju għadu mhux magħruf. “Il-fatt waħdu li jissemma’ Borg f’kuntest ta’ programm dwar l-omiċidji inġenerali ma jistax “a priori” jitqies leżiv.”

Il-Qorti żiedet tawgura li l-programm kollu jsir b’rispett totali tal-jeddijiet u estendiet l-istess ħsieb għall-paġna ta’ Facebook tal-istess programm fejn l-istess obbligi jibqgħu jinkombu fuq ix-xandar ġaladarba l-istess paġna hija kkontrollata minnu. 

Għaldaqstant, il-Qorti rrevokat id-digriet preċedenti u ċaħdet it-talba għall-ħruġ tal-mandat, bl-ispejjeż kontra Justin Borg.

Ekonomija

Sport