Friday, March 29, 2024

“Skartajna għal kollox il-kunċett tal-vjolenza fuq in-nisa”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-femiċidju mhuwiex rikonoxxut fil-liġi Maltija… Approċċ newtrali minkejja l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul

L-istupru u l-qtil ta’ Paulina Dembska, il-Pollakka ta’ 29 sena, ħasad lil Malta u kexkex lin-nisa lokali bl-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom jagħmlu pressjoni mal-awtoritajiet kompetenti biex f’pajjiżna tiġi indirizzata bis-serjetà l-problema tal-vjolenza fuq in-nisa u l-femiċidju. Dan l-att kriminali gravi li ħasad ħesrem u b’mod oribbli l-ħajja ta’ mara, qajjem ħafna diskussjonijiet u mistoqsijiet b’mod speċjali meta l-akkużi fil-Qorti ppreżentati mill-Pulizija ma sarux fuq femiċidju, iżda omiċidju. Mitlub spjegazzjoni, il-Korp tal-Pulizija qal lil talk.mt li l-liġi Maltija ma tagħmilx distinzjoni fuq il-ġeneru meta jseħħ omiċidju. Lara Dimitrijevic, avukata u attivista għad-drittijiet tan-nisa, ikkonfermat li l-femiċidju mhuwiex rikonoxxut fil-liġijiet tagħna u sostniet li lokalment skartajna għal kollox il-kunċett tal-vjolenza fuq in-nisa.

Dawn l-aħħar ġranet ħafna nies li segwew il-kronaka lokali tħawdu u oħrajn esprimew rabja meta li fi crime conference b’rabta mal-każ ta’ Dembska, il-Pulizija ppreżentat akkużi ta’ omiċidiju u mhux femiċidju. F’din il-konferenza, immexxija mill-kelliem għall-Pulizija Brandon Pisani, assistit mid-Deputat Kummissarju Ramon Mercieca u s-Supretendent Keith Arnaud mill-Iskwadra tal-Omiċidji, ingħad li, “dan il-każ ma kienx premeditat, la kien hemm mira speċifika, la kien hemm xi mira fuq is-sess partikolari tal-vittma u lanqas l-istess vittma ma kienet fil-mira tal-aggressur”.

Għadd ta’ organizzazzjonijiet bagħtu stqarrijiet fejn iddiżappuntati u rrabjati, insistew li dan il-każ huwa femiċidju ċar u talbu biex isir it-tibdil meħtieġ bil-għan li ma jkollniex aktar każijiet ta’ vjolenza u qtil ta’ nisa. Il-midja soċjali kienet il-pjattaforma li fiha ħafna nisa fetħu qalbhom u qasmu l-esperjenzi u taw l-opinjonijiet tagħhom dwar kif inhija s-sitwazzjoni f’Malta fejn jidħlu kwistjonijiet ta’ vjolenza fuq in-nisa. Ma’ dawn tkellmu ħafna dwar id-diffikultajiet li jsibu meta jmorru jagħmlu rapporti fl-għases fir-rigward. 

Il-liġi ma tagħmilx distinzjoni fuq il-ġeneru… injorata mistoqsija dwar apoloġija

Il-Pulizija ġew ittimbrati li ma jafux, jew li għal xi raġuni ma jridux, li l-ewwel każ ta’ qtil ta’ mara f’din is-sena l-ġdida, ikun uffiċjalment femiċidju. Talk.mt talab spjegazzjoni mill-Korp tal-Pulizija fejn staqsejna jekk fil-każ ta’ Paulina Dembska il-Korp huwiex beħsiebu jbiddel l-akkuża ta’ omiċidju għal waħda ta’ femiċidju. Barra minnhekk staqsjena jekk humiex se jagħmlu apoloġija għall-fatt li ħafna nisa ħassewhom offiżi li dan il-każ m’ġiex rikonoxxut uffiċjalment bħala femiċidju.

L-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Korp irrispondina li l-Pulizija takkuża persuna jew persuni l-Qorti b’rabta ma’ allegat ksur ta’ Kapitli u/jew Atti mil-Liġijiet ta’ Malta. Qalu li, “f’dan il-każ l-akkuża ta’ omiċidju volontarju toħroġ mill-Kodiċi Kriminali (Kapitlu 9, Artiklu 211), li huwa l-uniku artikolu fil-liġi Maltija li taħtu persuna tista’ tkun akkużata b’omiċidju volontarju u li dan l-artikolu tal-liġi ma jagħmilx distinzjoni fuq il-ġeneru”. 

Żiedu li l-akkuża ta’ omiċidju volontarju ġġorr piena ta’ għomor priġunerija. Rigward l-apoloġija, il-Pulizija ma tawniex risposta jekk hiex se ssir jew le.

“Għadna ‘l bogħod”

Min-naħa tagħha Lara Dimitrijevic ikkonfermat li l-femiċidju mhuwiex rikkonoxxut fil-liġijiet tagħna. Hija qalet li hemm ċertu reati fosthom ġrieħi gravi fuq il-persuna u reati relatati mal-vjolenza privata fejn il-vjolenza abbażi tal-ġeneru tista’ tkun motivazzjoni u/jew aggravju għar-reat. 

“Minkejja li l-Ġnus Magħquda (UN), il-Kunsill tal-Ewropa, il-Parlament Ewropej, kif ukoll l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) talbu biex il-femiċidju jiġi rikonoxxut bħal reat innifsu, dan għadu ma sarx f’pajjiżna. Imxejna ħafna fejn jiġu ameljoramenti fil-liġijiet tagħna, iżda dan mhuwiex biżżejjed,” wissiet din l-attivista. 

Hija spjegat li meta implementajna l-Konvenzjoni ta’ Istanbul, li hija konvenzjoni li speċifikament tirrelata fuq il-vjolenza fuq in-nisa, il-liġijiet tagħna ħadu “approċċ newtrali, jiġifieri skartajna għal kollox il-kunċett tal-vjolenza fuq in-nisa. Għadna sal-ġurnata tal-lum nittolleraw kliem dispreġġjativ kontra t-tfajliet u n-nisa. Fil-fehma tiegħi, jekk lanqas biss qegħdin nirrikonoxxu li dak it-tip ta’ diskors m’għandu qatt jingħad u wisq inqas ittollerat, aħseb u ara kemm għadna ‘l bogħod biex nifhmu u naddottaw il-femiċidju fil-liġijiet tagħna”. 

Lara Dimitrijevic qalet li tittama li m’għandniex ikollna sitwazzjoni oħra fejn mara trid tiġi maqtula biex forsi nibdew naħdmu id f’id ħalli neqirdu din il-kultura f’pajjiżna.

Ekonomija

Sport