Malta għamlet biżżejjed progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Irkupru r-Reżiljenza tagħha biex tikseb l-ewwel pagament taħt in-NextGenerationEU. Għalhekk, hekk kif l-Istati Membri jaqblu wkoll, Malta se tirċievi aktar minn €50 miljun.
Dan qalitu l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen f’filmat li tellgħet ilbieraħ fuq il-paġna uffiċjali tagħha ta’ Twitter fejn qalet li kellha aħbar tajba għal Malta.
Il-President tal-KE faħħret il-ħidma li wettqet Malta b’mod partikolari f’investimenti fl-innovazzjoni industrijali. Fissret dan bħala pass importanti ħafna.
Hija nnotat titjib fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart partikolarment fis-settur tal-kostruzzjoni. “Dan huwa importanti ħafna għall-ekonomija ċirkolari tagħna,” qalet von der Leyen.
Hija qalet ukoll li l-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi wkoll ir-rifomi mressqa biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u tiżdied l-indipendenza tal-ġudikatura.
“Dan huwa biss il-bidu. Malta mistennija tirċievi kważi €260 miljun biex tintroduċi riformi u investimenti. Kompli bix-xogħol tajjeb li qed tagħmel Malta,” temmet tgħid il-President tal-KE.
Kien fid-19 ta’ Diċembru 2022 meta Malta ppreżentat talba għal pagament lill-Kummissjoni abbażi tal-kisba tas-16-il stadju importanti u t-tliet miri stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill għall-ewwel pagament parzjali.
Bit-talba tagħhom, l-awtoritajiet Maltin ipprovdew evidenza dettaljata u komprensiva li turi l-issodisfar tas-16-il stadju importanti u t-tliet miri. Il-Kummissjoni vvalutat din l-informazzjoni bir-reqqa qabel ma ppreżentat il-valutazzjoni preliminari pożittiva tagħha tat-talba għal pagament.
Intant il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri rringrazzja lill-President tal-Kummissjoni Ewropea għar-rikonoxximent li sar lejn pajjiżna fejn tidħol is-saltna tad-dritt. “Fl-aħħar sena sar xogħol kbir, minn entitajiet u ministeri diversi, kemm dwar is-saltna tad-dritt, kif ukoll fuq punti oħra fosthom l-innovazzjoni. Dan huwa riżultat ieħor importanti għal pajjiżna. Kif kellna l-okkażjoni li ngħidu nhar it-Tnejn li għadda waqt it-tnedija tal-pakkett finanzjarju ġdid ta’ fondi Ewropej, dawn il-fondi huma strumentali biex inkomplu nibnu lil Malta ta’ għada għall-ġid tal-poplu Malti u l-futur ta’ wliedna,” qal il-Ministru Silvio Schembri.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett qal li huwa sodisfatt li l-Kummissjoni Ewropea laqgħet b’mod pożittiv il-ħidma u l-isforzi li wettaq pajjiżna. “Issa għandna ċertifikat ieħor pożittiv mill-Kummissjoni Ewropea li hija kburija bil-ħidma li qegħdin inwettqu bħala gvern. Dawn il-fondi flimkien mal-fondi Ewropej se nutilizzawhom biex inwettqu aktar proġetti u investiment għall-ġid tal-familji Maltin u Għawdxin u nwettqu l-bidliet li hemm bżonn,” qal Dr Bonett.