Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn ta’ etá żgħira billi kont nara l-futbol fuq it-televixin u nilgħab ma’ sħabi u minn ta’ etá żgħira bdejt nilgħab il-futbol.
U għaliex għażilt proprju r-rwol ta’ goalkeeper?
Minn dejjem kienet togħġobni l-pożizzjoni ta’ goalkeeper u xtaqt nipprovaha minn ta’ etá żgħira. Bdejt it-taħriġ tal-goalkeepers mill-ewwel u dejjem sibt kowċis tajbin li mbuttawni biex nimxi ‘l quddiem bħal Mario Muscat, Alex Camilleri u Saviour Darmanin, u bqajt dejjem goalkeeper.
X’tikkummenta fuq l-andament ta’ Vittoriosa Stars FC sa issa fil-BOV Challenge League?
S’issa kien staġun pożittiv ħafna u qegħdin nieħdu l-kampjonat logħba b’logħba u naraw fejn nistgħu naslu.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Jason Camenzuli?
Kull kowc huwa differenti minn kif jaħdem u kif jimxi mal-plejers, u x’ħin sirt naf lill-kowċ Jason Camenzuli wara l-ewwel darba li tkellimna, kienet deċiżjoni faċli biex immur miegħu dis-sena.
X’taħseb li kien is-sigriet wara s-suċċess li ksibtu permezz tal-promozzjoni għall-BOV Challenge League?
Il-promozjoni dejjem kienet f’moħħna u ilna staġun sħiħ naħdmu għaliha u naħseb li flimkien ma’ Birzebbugia SP FC ħadna dak li ħaqqna għax konna l-iktar żewġ timijiet konsistenti matul dan l-istaġun. Nagħti l-mertu wkoll lit-tim ta’ San Ġwann FC għaliex baqa’ hemmhekk sal-aħħar logħba. Issa nħarsu ‘l quddiem għad-decider ta’ nhar il-Ħadd għar-rebh tal-kampjonat kontra Birzebbugia SP FC, li żgur se tkun iċ-ċirasa fuq il-kejk cake u nġibu Tazza ġewwa l-Birgu għan-nies tal-Birgu u għall-ħabib tagħna qatt minsi, Alejandro Brincat, li żgur dejjem żamm idejh fuqna!
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Il-futbol huwa imprevedibbli ħafna jiġifieri nieħu l-affarijiet sena b’sena u nara fejn nispiċċa, imma l-għan tiegħi huwa dak li nqatta’ ħafna snin mat-tim ta’ Vittoriosa Stars FC, fejn diġá kont lgħabt għal tliet staġuni.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-futbol huwa sport li apparti l-abiltá, irid ikollok attitudni tajba. Agħti dejjem l-100 fil-100 tiegħek u taqta’ qalbek qatt!