Sunday, October 27, 2024

IL-PROPOSTA LI MA TISWIEX FLUS U LI TIMLA L-QLUB

Aqra wkoll

Bdejna r-raba’ ġimgħa tal-Kampanja Elettorali u issa ż-żewġ mexxejja tal-partiti l-kbar it-tnejn firxu l-karti tagħhom permezz tal-proposti fil-manifest elettorali.

Lil hinn minn liema proposti huma l-aħjar jew liema huma l-aktar ta’ benefiċċju, Partit Laburista fil-gvern diġà għamel ħafna mal-anzjani u dan jikkonfermawh il-ħafna anzjani li qegħdin jappoġġjawh minħabba li għalihom dan il-gvern qiegħed ikun magħhom b’żidiet kontinwi.

Gvern Laburista ser ikun qed ikompli jsaħħaħ il-pensjonijiet billi jżidhom b’minn tal-anqas €15 fil-ġimgħa tul il-leġiżlatura, liema żieda ma tinkludix iż-żieda tal-għoli tal-ħajja. Fil-ħames snin li ġejjin l-anzjani ser jerġgħu jaraw qabża oħra fil-pensjoni u d-dħul tagħhom jiżdied b’total ta’ €780 fis-sena.

Iżda x’inhuma l-flus fejn id-dinjità? Għalhekk gvern Laburista ħaseb ukoll biex ikompli jgħin kemm jista’ lill-anzjani tagħna biex fejn hu possibbli jibqgħu jgħixu fi djarhom u fil-komunità. Fost dawn il-hemm l-inċentiv tal-Carer at Home Scheme u l-Helper of Your Choice u għal dan il-għan ser jiżdied l-ammont ta’ għajnuna mogħti lill-anzjani li jimpjegaw carer magħhom minn €7,000 għall-ekwivalenti tal-paga minima.

Se tingħata wkoll għajnuna finanzjarja akbar lil dawk l-anzjani li jixtiequ jibqgħu jgħixu f’darhom iżda minħabba kwistjoni ta’ mobbiltà jkollhom bżonn jagħmlu xogħol ta’ modifikazzjoni fuq il-proprjetà tagħhom jew jinstallaw chairlift. Barra minn hekk se jkomplu l-iskemi t’għajnuna għal dawk l-anzjani li jkollhom bżonn jixtru jew jikru sodod speċjalizzati, hoists u lifters, fost apparat ieħor. Dan minbarra żieda ta’ 80 mediċina ġdida fuq il-formolarju tal-Gvern u li l-anzjani ser jibdew jirċievu b’xejn il-mediċini kollha li jinsabu f’din il-lista.

Nemmnu li l-anzjani tagħna qegħdin verament ikunu rikonoxxuti għall-ħidma tagħhom fil-passat u għall-ġid li ħallew lill-ġenerazzjoni. Iva din hija viżjoni ta’ partit li żamm il-kelma li jżid fil-pensjonijiet u ħafna servizzi oħra għall-anzjanità attiva. Huwa għal dan il-għan li nemmnu li b’mod reċiproku, l-anzjani jafu fejn qegħdin mal-Partit Laburista u se jkunu qegħdin jirritornaw il-gratitudni tagħhom permezz tal-vot dakinhar tal-elezzjoni.

Iżda nemmnu li l-anzjani neqsin minn xi ħaġa li tmur lil hinn minn dan kollu. Mingħajr ma nnaqqsu mill-mertu tal-ħafna carers madwar il-pajjiż li jagħmlu xogħol siewi ħafna magħhom, l-anzjani neqsin minn dik l-għafsa tal-id, tgħanniqa, diskursata li m’għandhiex valur finanzjarju, iżda li timla l-qalb tagħhom.

Waqt wieħed mid-diskorsi politiċi tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar il-volontarjat u l-inċentiv għal dan. Iżda hemm għalfejn xi forma ta’ inċentiv biex inkunu hemm għal xulxin. Kemm tkun ħaġa sabiħa li naħsbu f’xulxin, insibu aktar ħin u nimlew il-qlub tal-anzjani tagħna b’dawn l-aktar affarijiet sempliċi.

Sport