Friday, May 17, 2024

L-attriċi Drew Barrymore tiftaħ qalbha dwar il-vjaġġ iebes li kellha biex rebħet il-vizzju tax-xorb

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-attriċi ta’ fama mondjali grazzi għar-rwol tagħha fi ċkunita fil-film “E.T. the Extra-Terrestrial”, Drew Barrymore, hija magħrufa għall-karriera brillanti tagħha kif ukoll għall-personalità ferrieħa tagħha. Ftit jafu però, li minkejja s-suċċessi u dehra pożittiva tagħha, Barrymore kellha gwerra ġo fiha biex terbaħ il-vizzju tad-droga, vizzju li litteralment kien se jeqridha.

L-aħbar ħarġet fil-miftuħ minn din l-attriċi Amerikana stess fit-talk show li ttella’ intitolat “The Drew Barrymore Show” fejn tul is-snin, ftit ftit, hija tat aktar dettalji dwar il-ħajja privata tagħha. Fil-maġġorparti tal-intervisti li għamlet, hija dejjem żammet mistur il-vjaġġ tagħha fil-ġlieda kontra l-abbuż tal-alkoħol iżda fi tmiem is-sena l-oħra Barrymore tat ir-riflessjonijiet tagħha dwar xi jfisser għaliha issa li ilha għal dawn l-aħħar sentejn ma tmissx xorb alkoħoliku. 

Direttur u producer tal-films, kif ukoll negozjanta ta’ suċċess, Barrymore għal ħafna hija persuna li tista’ tagħmel kollox. L-attriċi famuża għal diversi rwoli f’films kbar oħra barra “E.T.” fosthom “50 First Dates”, “Never Been Kissed” u “Charlie’s Angels”, rebħet diversi premijiet prestiġġjużi u nominazzjonijiet oħra tul il-karriera tagħha.

Ħajjitha, però, ma kinitx fuq ir-rubini. L-inkwiet u l-isfidi bdew kmieni fl-adoloxxenza. Hija twieldet f’familja ta’ atturi u persuni midħla tal-ispettaklu. Missierha, John Barrymore, kien attur ukoll u t-trobbija ta’ Drew kienet mimlija festini f’Hollywood mill-età ta’ disa’ snin hekk kif ommmha Jaid kienet teħodha magħha.

Minħabba li dan l-ambjent huwa ddominat minn abbuż ta’ sustanzi, Drew spiċċat vittma tal-vizzju ikrah tad-droga sakemm fl-età ta’ 13-il sena ommha bagħtitha f’ċentru ta’ rijabilitazzjoni. Drew ħarġet mill-vizzju sena wara grazzi għal kura speċjalizzata f’ċentru apposta. 

Dan kien il-bidu ta’ fażijiet differenti ta’ vizzji fil-ħajja ta’ din l-istilla taċ-ċinema. Fi żmien sena Drew ippruvat tneħħi ħajjitha u ntbagħtet fi sptar għall-kura tas-saħħa mentali. Meta ħarġet mill-isptar Barrymore kellha biss 15-il sena u hawn iddeċidiet li tmur tgħix ma’ David Crosby u martu. Drew tiddeskrivi dan il-perjodu ta’ ħajjitha fid-dettal fl-awtobijografija tagħha “Little Girl Lost”.

Wara tliet xhur tgħix mal-koppja Crosby, Barrymore ngħatat permess tgħix għal rasha fl-età ta’ 15-il sena. Minkejja li ppruvat tiġi fuq saqajha, l-attriċi reġa’ kellha problemi minħabba abbuż ta’ sustanzi. Tul il-karriera tagħha bħala attriċi adulta, Barrymore kellha perjodi li fihom kienet tixrob alkoħol b’mod esaġerat.

F’Diċembru tal-2021 hija fetħet qalbha dwar il-vjaġġ personali tagħha li fih, bi sforzi kbar, irnexxielha tieqaf tabbuża mill-alkoħol fid-dinja sfrenata tal-atturi famużi ta’ Hollywood. Skont is-“CBS News” hija ħadet dan il-pass wara li rrealizzat li x-xorb alkoħoliku m’għandux aktar valur f’ħajjitha.

Hija kienet ikkwotata li qalet, “meta tkun qiegħed tegħreq jew tkun għaddej mill-problemi u mhux biss tammettihom, imma wkoll iġġiegħel lilek innifsek tgħid li trid tindirizzahom u tagħmel it-tibdiliet meħtieġa… naħseb li nkunu dgħajfa ħafna jekk nagħmlux dawn it-tibdiliet”.

Drew Barrymore temmen li kulħadd huwa kapaċi jinbidel u saħqet fl-importanza li persuna tiġġieled “dawn id-demonji”.

Sport