Thursday, April 25, 2024

Il-pulizija tal-komunità bdew il-ħidma fi 11-il lokalità

Aqra wkoll

Il-pulizija tal-komunità bdew jaħdmu fi 11-il lokalità oħra. B’ħames timijiet ġodda tal-pulizija tal-komunità, issa l-pulizija għandha sitt timijiet ta’ pulizija li qed jaħdmu fi tnax-il lokalità bi 28 uffiċjal dedikati ta’ kuljum fil-qalba ta’ tnax-il belt u raħal. Fil-jiem li ġejjin iċ-ċittadini ta’ dawn il-lokalitajiet ser jirċievu fuljett id-dar bit-tagħrif u bil-kuntatt dwar il-pulizija tagħhom. 

Dawn it-timijiet se jkunu qed joperaw minn binjiet viċin il-komunità li tħejjew apposta għal dan is-servizz. Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri spjega li issa li dawn il-pulizija tħarrġu u bdew jaħdmu fil-lokalitajiet magħżula, tibda l-konsultazzjoni biex il-proġett jinfirex f’lokalitajiet oħra, inklużi lokalitajiet bi sfidi ikbar.

Żied li bil-proġett tal-community policing il-Korp tal-Pulizija llum qed ikun punt ta’ referenza. “L-għan hu li ċ-ċittadin iħossu sigur, mismugħ, moqdi. Dan hu gvern li l-investiment kollu li hemm bżonn fil-pulizija se jagħmlu,” qal il-ministru filwaqt li tenna kemm hu kburi li huwa l-Korp tal-Pulizija li qed jerġa’ jżid is-sens ta’ komunità fl-ibliet u fl-irħula.

Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li dawn it-timijiet huma komposti minn fost l-aktar nies dedikati li għandna fil-Korp. Kienu huma li b’mod volontarju u wara sejħa interna kif ukoll wara taħriġ, inkluż minn professjonisti fis-suġġett, intgħażlu biex iwettqu dmirhom bħala community police officers. “Fil-maġġor parti tagħhom huma żgħażagħ entużjasti u b’enerġija liema bħala. Fil-fatt l-età medja tagħhom hija dik ta’ 25 sena. Mill-banda l-oħra, it-team leaders huma surġenti b’esperjenza fil-Korp filwaqt li nieħu gost nara li minn fost 28 uffiċjal għandna 10 nisa, inklużi tnejn li huma team leaders”, qal il-Kummissarju.

Il-lokalitajiet fejn il-community policing issa beda jaħdem uffiċjalment huma l-Belt Valletta, il-Furjana, Marsaxlokk, Birżebbuġa, ir-Rabat, l-Imdina, l-Imtarfa, Ħad-Dingli, Pembroke, is-Swieqi u l-Fgura. Magħhom hemm il-Mellieħa li kienet il-lokalità fejn sar il-proġett pilota.

Sport