Saturday, December 21, 2024

Il-Pulizija tħarrek 80 sewwieq minħabba sewqan eċċessiv

Aqra wkoll

Ħadd ieħor impenjattiv għall-Pulizija mit-Taqsima tal-Pulizija tat-Traffiku, assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU) u Special Intervention Unit (SIU), flimkien ma’ uffiċjali mis- Sezzjoni tal-Infurzar ta’ Transport Malta, bil-għan li jitnaqqas l-abbuż fejn jidħol sewqan eċċessiv f’diversi toroq arterjali.

F’madwar erba’ sigħat li l-Pulizija ssorveljaw Triq Louis Wettinger magħrufa bħala l-Bypass tal- Mellieħa; u żewġ postijiet fi Triq il-Kosta (fis-Salini u Baħar iċ-Ċagħaq), b’kollox inħarġu 80 taħrika għal sewqan b’veloċità eċċessiva.
L-ewwel kontrolli saru fi Triq Louis Wettinger, fil-Mellieħa. Hawnhekk inħarġu 33 taħrika għal sewqan eċċessiv. Il-veloċità massima f’din it-triq hija ta’ 60 kilometru fis-siegħa. L-ogħla veloċità rreġistrata kienet ta’ 132 kilometru fis-siegħa minn vettura Subaru. F’din it-triq, il-Pulizija wkoll irreġistraw fost oħrajn żewġ vetturi jinstaqu b’veloċità ta’ 103 kilometru fis-siegħa u 94 kilometru fis-siegħa, rispettivament.

Kontroll ieħor sar fi Triq l-Kosta, fis-Salini, qrib it-Torri tal-Għallis. Hawnhekk inħarġu 15-il taħrika għal sewqan eċċessiv. Il-veloċità massima f’din it-triq hija ta’ 70 kilometru fis-siegħa. L- ogħla veloċità rreġistrata kienet ta’ żewġ muturi li nqabdu jinstaqu b’94 kilometru fis-siegħa.
Vettura oħra nqabdet tinstaq b’90 kilometru fis-siegħa.
Kontroll ieħor sar fi Triq l-Kosta, fis-Salini, fl-akwati ta’ Baħar iċ-Ċagħaq. Hawnhekk inħarġu 32 taħrika. Il-veloċità massima f’din it-triq hija wkoll ta’ 70 kilometru fis-siegħa.

Hawnhekk il-Pulizija rreġistrat l-ogħla veloċità ta’ 143 kilometru fis-siegħa ta’ vettura tal-għamla Toyota Glanza. F’din it-triq, il-Pulizija rreġistraw fost oħrajn, żewġ vetturi li kienu qegħdin jinstaqu b’veloċità ta’ 137 kilometru fis-siegħa u 123 kilometru fis-siegħa, rispettivament.
L-Ispettur Nicholas Vella, mit-Taqsima tat-Traffiku qal li “li dawn l-operazzjonijiet qegħdin isiru spissi sabiex nikkontrollaw l-abbuż li qed isir. Il-Pulizija qegħdin jużaw is-‘speed guns’ li minn diversi metri ‘l bogħod timmarka l-veloċità tal-vetturi. L-għan tagħna huwa li nrażżnu kemm nistgħu l-abbużi fis-sewqan u nwasslu messaġġ biex kulħadd jobdi r-regolamenti tat-traffiku.”

Fl-operazzjoni tal-lum inħarġu wkoll 10 taħrikiet oħra minħabba ksur tar-regolamenti tat-traffiku li jinkludu sewqan mingħajr ċintorin tas-sigurtà, vetturi bit-tinted glass, vetturi mingħajr numru tar-reġistrazzjoni, vetturi bin-numru tar-reġistrazzjoni mhux imwaħħla tajjeb u ħruġ ta’ duħħan eċċessiv.
B’kollox, b’tal-lum, saru ħames operazzjonijiet ta’ kontrolli tat-traffiku fl-aħħar xahar. Ġew imħarka total ta’ 341 sewwieq.
L-appell tal-Pulizija jibqa’ : “li wieħed ma jabbużax fis-sewqan !”

Ekonomija

Sport