Friday, April 19, 2024

Iċċelebrata l-festa ta’ Santu Kruċ

Aqra wkoll

Ritratti: ALAN SALIBA

Dalgħodu ġiet iċċelebrata l-festa ta’ Santu Kruċ ġewwa Birkirkara – il-Festa tas-Sejba tas-Salib Imqaddes. Permezz ta’ ħsieb spiritwali mwassal mill-Prepostu Arċipriet Paul Carmel Vella nhar il-Ħamis li għadda, huwa fisser kif is-salib huwa s-sinjal tal-imħabba u niftakru kif permezz ta’ Kristu s-salib sar sinjal tas-salvazzjoni, tal-imħabba, tal-għaqda u tal-ħajja.

Kienet Santa Elena fis-sena 326 wara Kristu li sabet is-salib imqaddes u dan kien meqjus bħala jum importanti għall-insara kollha. Permezz tas-sejba ta’ Santa Elena, il-Knisja Kattolika tista’ tħares lejn l-għuda li Kristu kien imsallab u biex din tkun venerata hija ħaditha ġewwa Ruma u għadna nistgħu nqimu din l-għuda tas-salvazzjoni sal-ġurnata tal-lum.

Minkejja li l-festi esterni ma setgħux isiru din is-sena minħabba l-imxija tal-Covid-19, iċ-ċelebrazzjonijiet interni marbuta mal-Festa ta’ Santu Kruċ saru normali u ġew trasmessi fuq il-midja soċjali. Matul iċ-ċelebrazzjonijiet il-membri tal-Kapitlu Elenjan u Kleru segwew id-direttivi maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa u żammew id-distanza bejniethom.

Wara l-Quddiesa Solenni prepositali, saret purċissjoni żgħira fuq iz-zuntier bir-relikwa Veru Lignum u sellem lill-poplu kollu ta’ Birkirkara.

Illejla se ssir sessjoni ta’ talb mill-Prepostu Arċipriet, Monsinjur Paul Carmel Vella quddiem il-monument ta’ Sant’Elena fi triq is-Salib Imqaddes. Din is-sessjoni ta’ talb se tiġi trasmessa fuq il-midja soċjali wkoll.

Sport