Uffiċjali tal-pulizija rrakkontaw it-tfittxija li saret matul il-lejl u li wasslet biex tifel ta’ 12-il sena jinstab ferut serjament fil-White Rocks, hekk kif komplew il-proċeduri kontra missieru, li jinsab akkużat bl-attentat ta’ qtil ta’ ibnu u bintu.
Ir-raġel Sqalli, li ma jistax jissemma b’ordni tal-Qorti, qed iwieġeb mhux ħati għall-attentat ta’ qtil ta’ ibnu ta’ 12-il sena u bintu ta’ 10 snin waqt inċident fis-7 ta’ Marzu.
Il-każ beda wara li t-tifla nstabet waħedha qrib il-White Rocks, filwaqt li ħuha aktar tard instab ferut f’kamra fl-istess żona u ttieħed l-Isptar Mater Dei. Iż-żewġt itfal minn dakinhar xehdu bil-magħluq, bit-tifel jixhed waqt seduta preċedenti.
Fix-xhieda tiegħu, is-Supretendent Melvin Camilleri qal li għall-ħabta tal-10.00 p.m. huwa kien fl-Għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan meta daħlet mara bit-tifla ta’ 10 snin, li dehret “mifxula”.
Il-mara kienet sabet lit-tifla qrib il-White Rocks u ħaditha l-għassa. It-tifla tatha n-numru tal-mowbajl ta’ ommha, biex b’hekk setgħet tiġi kkuntattjata, u din waslet l-għassa ftit wara.
Ommha mbagħad għenet lill-pulizija jistabbilixxu fejn seta’ seħħ l-inċident, u indikatilhom żona li l-akkużat kien irrefera għaliha bħala Curva dei Cavalli.
Il-post kien issemma qabel mill-akkużat waqt telefonata mal-omm fil-lejl tal-inċident – l-istess telefonata li fiha allegatament qalilha li binhom kien “il-ġenna”.
Camilleri qal li l-uffiċjali għall-ewwel fittxew fiż-żona indikata mill-omm, bit-tfittxijiet isiru kemm fuq l-art kif ukoll tul il-kosta, filwaqt li ntużaw ukoll drones.
Madankollu, is-Supretendent qal li ma kienx konvint li kienu qed ifittxu fil-post it-tajjeb, partikolarment minħabba d-distanza minn fejn kienet instabet it-tifla. Għalhekk, huwa ordna lil żewġ uffiċjali biex jestendu t-tfittxija aktar lejn il-White Rocks.
Għall-ħabta ta’ nofsillejl, l-uffiċjali rrappurtaw li sabu lit-tifel ġewwa kamra fil-White Rocks, bil-vann ta’ missieru jinsab fil-qrib. Il-paramediċi ntbagħtu minnufih fuq il-post u t-tifel ittieħed l-Isptar Mater Dei.
L-operazzjoni kompliet hekk kif il-pulizija fittxew lill-akkużat, bl-għajnuna tad-drones u membri tar-Rapid Intervention Unit.
Xehed ukoll is-Surġent Wayne Borg, li qal li beda jieħu sehem fl-operazzjoni wara li waslet informazzjoni li t-tifel kien instab f’waħda mill-kmamar fil-White Rocks u li vann kien instab ftit metri ’l bogħod.
Borg qal li għall-ħabta ta’ 11.50 p.m. ra lit-tifel b’ammont konsiderevoli ta’ demm fuq wiċċu.
Hekk kif Borg iddeskriva dak li kien ra, l-akkużat beda jibki fl-awla. Omm il-mara tiegħu kienet ukoll preżenti fl-awla waqt is-seduta.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Kurt Zahra flimkien mal-Avukati Etienne Savona, Kaylie Bonett u Anthony Vella.
Għall-akkużat qed jidhru l-Avukati Gianella De Marco, Charles Mercieca u Conrad Borg Manche, filwaqt li l-avukati Maxilene Pace u Charmaine Cherrett qed jidhru parte civile.
Il-Maġistrat Franco Agius qed jippresiedi l-każ.

