“Dan għandu jkun il-mument tal-Indipendenza tal-Ewropa.” Kienet b’din is-sejħa li Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, fetħet id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tagħha s-sena l-oħra. Kienet tirrifletti realtà sempliċi: f’dinja dejjem aktar imprevedibbli, l-Ewropa trid tieħu responsabbiltà akbar għall-ġejjieni tagħha stess.
Tul l-aħħar sena, l-Unjoni Ewropea stinkat biex din l-ambizzjoni tissarraf f’realtà. Qed ninvestu aktar fis-sigurtà tagħna, qed insaħħu l-kompetittività, qed naċċelleraw it-tranżizzjoni lejn enerġija li nipproduċu aħna stess, u qed nibnu sħubijiet ġodda mdwar id-dinja. Il-ħidma tagħna għal Ewropa aktar indipendenti se tieħu ż-żmien, iżda f’Malta, diġà qed ingawdu l-ewwel frott tagħha.
Madwar l-Unjoni, hemm tagħlima waħda li tispikka: l-isfidi li naffaċċaw, mit-theddid għas-sigurtà jew għall-valuri fundamentali tagħna, sal-kompetizzjoni ekonomika u t-tibdil teknoloġiku, għat-temperaturi estremi u n-nirien iħeġġu minn Spanja sal-Kroazja, ma nistgħux nindirizzawhom waħedna, iżda jeħtieġu rispons b’saħħtu u magħqud, u s-solidarjetà. Dawn huma sfidi li jikkonċernaw lill-Ewropej kull fejn jinsabu, inkluż f’Malta.
Huwa għalhekk li meta l-President von der Leyen se tindirizza lill-Parlament Ewropew għall-Istat tal-Unjoni ta’ din is-sena, se tkun qed tkellem lil kull Ewropew. Dan id-diskors huwa mument kruċjali għad-demokrazija Ewropea: opportunità biex nirriflettu fuq dak li ksibna sa issa, iżda, aktar importanti, li naraw x’jenħtieġ li jsir fis-sena li għandna quddiemna. Ejjew nagħtu daqqa t’għajn lejn xi eżempji ta’ dak li nkiseb mill-indirizz tagħha f’Settembru tal-2025.
Ewropa aktar kompetittiva
Ewropa aktar indipendenti tibda b’ekonomija aktar b’saħħitha u kompetittiva. Tul l-aħħar sena, il-Kummissjoni ssimplifikat sensiela ta’ regoli biex il-kumpaniji jkunu jistgħu joperaw mingħajr fruntieri. Permezz ta’ EU Inc. se nkun qed ngħinu lill-kumpaniji jibdew, jikbru, u jgawdu l-benefiċċji tas-Suq Uniku tagħna ta’ 450 miljun ruħ. Ħadna miżuri biex nindirizzaw l-ispejjeż tal-enerġija waqt li aċċellerajna t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, affordabbli u prodotta lokalment. U qegħdin inwettqu unjoni tat-tfaddil u tal-investimenti li tant hija innovattiva li l-kumpaniji Ewropej jistgħu jaċċessaw il-finanzjament li jeħtieġu biex isiru mexxejja globali fl-Ewropa stess.
L-Ewropa qed tippożizzjona ruħha biex tmexxi l-industriji ta’ għada, mill-IA sal-vetturi elettriċi, waqt li tinvesti fil-ħiliet, fl-akkomodazzjoni u fil-mudell soċjali tagħha. U waqt li l-kummerċ globali qed isir aktar imprevedibbli, qed niddiversifikaw il-kummerċ tagħna, u niffirmaw ftehimiet ġodda, mir-reġjun Indo-Paċifiku sal-Amerka Latina.
Għad fadal ħafna xogħol xi jsir, iżda l-Ewropa qed tibni s-sisien għall-ekonomija kompetittiva li l-indipendenza tagħna tiddependi fuqhom. U nistgħu naraw l-evidenza madwar il-kontinent tagħna. Pereżempju, f’Malta, permezz taċ-Ċentru Ewropew għall-Innovazzjoni Diġitali ta’ Malta, DiHubMT, l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) jistgħu jibbenefikaw minn appoġġ prattiku, inklużi servizzi ta’ “test before invest”, għarfien espert fl-intelliġenza artifiċjali (AI) u soluzzjonijiet taċ-ċibersigurtà. Dan jgħin lin-negozji jadottaw teknoloġiji ġodda, itejbu l-produttività tagħhom u jikkompetu b’mod aktar effettiv fis-Suq Uniku. Huwa ċentru ta’ opportunitajiet għall-imprendituri żgħażagħ Maltin li jkunu qed ifittxu li jintroduċu prodotti innovattivi fis-suq.
Ewropa aktar sigura
Fi żmien li fih id-dinja saret aktar instabbli, l-Ewropa qed tieħu s-sigurtà tagħha f’idejha. Permezz tal-istrument SAFE, il-programm ta’ self tagħna, qegħdin ngħinu lill-Istati Membri jinvestu flimkien fil-kapaċitajiet ta’ difiżi li l-Ewropa tant teħtieġ. Dan l-investiment issa qed jissarraf fi proġetti madwar l-Unjoni tagħna – it-tisħiħ tal-bażi industrijali tad-difiża tagħna, l-għeluq ta’ nuqqasijiet kritiċi fil-kapaċità, u l-appoġġ tal-impjiegi bi kwalifiki għoljin madwar l-unjoni tagħna.
U qegħdin ukoll inħejju għat-theddid ta’ għada. Qed insaħħu l-mobbiltà militari u l-infrastruttura madwar l-Unjoni tagħna, sabiex it-truppi u l-apparat ikunu jistgħu jaslu fejn hemm bżonn, meta meta jkun hemm bżonn, u b’hekk in-nies igawdu wkoll minn linji ferrovjarji u toroq immodernizzati. Varajna l-Għassa tan-Naħa tal-Lvant biex tappoġġa lill-Istati Membri l-aktar direttament esposti għat-theddida mir-Russja. U permezz tal-Inizjattiva Ewropea għad-Difiża kontra d-Droni, qed insaħħu l-abbiltà tal-Ewropa li tkun fuq quddiem f’teknoloġija li saret kruċjali għall-gwerer moderni.
Is-sigurtà tal-Ewropa tibda fl-Ukrajna. L-UE qablet fuq €90 biljun addizzjonali f’appoġġ għall-baġit u l-ħtiġijiet militari tal-Ukrajna fl-2026 u l-2026, flimkien mal-€220 biljun li diġà ngħataw. Adottajna 21 pakkett ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja u ftaħna l-ewwel ġabriet ta’ kapitoli ta’ negozjar għat-triq tal-Ukrajna lejn is-sħubija fl-UE.
Ewropa aktar b’saħħitha fid-dinja
L-indipendenza tfisser li jkollok l-għażliet. L-Ewropa qed taħdem għas-saħħa tagħha stess u għal sħubijiet affidabbli li jgħinuna niddefendu l-interessi tagħna u biex insawru d-dinja ta’ madwarna.
L-Ewropa dejjem se żżomm il-bibien tagħha miftuħin. It-tkabbir mexa ’l quddiem, u nfetħu l-ewwel żewġ ġabriet ta’ kapitoli ta’ negozjar għall-adeżjoni tal-Ukrajna u tal-Moldova mal-UE, u għaddej il-progress mal-Balkani tal-Punent. Fid-dinja mqallba tal-lum, Unjoni akbar hija Unjoni aktar b’saħħitha – ekonomikament, politikament, u strateġikament.
Lil hinn mill-fruntieri tagħna, l-Ewropa qed tinvesti f’relazzjonijiet stabbli u ta’ benefiċċju reċiproku ma’ sħab minn madwar id-dinja kollha. Fi żmien fejn ħaddieħor qiegħed jibni l-ħitan jew jirtira mill-kooperazzjoni internazzjonali, l-Ewropa tibqa’ miftuħa. Qed niddiversifikaw il-ktajjen tal-provvista tagħna, innaqqsu d-dependenzi, u nibnu sħubijiet aktar profondi ma’ pajjiżi li jaqsmu l-interessi u l-valuri tagħna.
Ewropa li tipproteġi dak li jgħodd
L-indipendenza Ewropea tfisser ukoll li nipproteġu s-soċjetajiet u l-istil ta’ ħajja tagħna. Permezz tat-tarka Ewropea għad-demokrazija, il-Kummissjoni qed tieħu azzjoni biex tippreserva s-sisien tad-demokrazija tagħna u tħarishom mill-interferenza esterna. Il-proposta ambizzjuża tagħna għall-baġit fit-tul il-ġdid se tagħti spinta lill-investiment fl-opportunitajiet, fil-ħiliet, fl-innovazzjoni, u fl-inklużjoni soċjali, waqt li ssaħħaħ il-protezzjonijiet għall-istat tad-dritt.
L-Ewropa qed tirrispondi wkoll għar-riskji l-ġodda li ċ-ċittadini qed iħabbtu wiċċhom magħhom online, b’mod partikolari t-tfal u ż-żgħażagħ, waqt li tgħinhom jibbenefikaw mid-dinja diġitali, hija u tkompli tirrispondi għall-pressjonijiet li n-nies jaffaċċaw fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, mill-prezzijiet tal-enerġija sal-akkomodazzjoni.
Tul l-aħħar 12-il xahar, l-Ewropa ħabbtet wiċċha għal darba oħra ma’ sfidi globali profondi. Iżda dejjem aktar Ewropej qed jirrikonoxxu li flimkien għandna aktar saħħa. Kważi disgħa minn kull għaxra jgħidu li l-pajjiżi Ewropej għandhom jaġixxu b’aktar għaqda biex jaffrontaw l-isfidi globali tal-lum. Din hija l-għażla li għamlet l-Ewropa – f’Malta, kif ukoll f’kull pajjiż ieħor.
Tul l-aħħar sena, l-Ewropa għamlet progress reali, iżda jekk irridu nippreservaw il-libertà li nagħżlu l-futur tagħna aħna stess, fadlilna ħafna x’nagħmlu. Il-ġimgħa d-dieħla, il-President von der Leyen se tistabbilixxi l-prijoritajiet għas-sena li ġejja u anke lil hinn minnha. Ibqgħu segwuna!

