Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju, il-General Workers’ Union (GWU) tingħaqad mal-appell internazzjonali biex jitkisser is-silenzju u l-istigma madwar is-suwiċidju u s-saħħa mentali.
It-tema internazzjonali għall-perjodu 2024–2026 hija “Changing the Narrative on Suicide”, b’appell biex nibdew aħna l-konverżazzjoni. Dan ifakkarna li konverżazzjoni sinċiera, smigħ mingħajr ġudizzju u għajnuna fil-ħin jistgħu jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ persuna.
Il-GWU temmen li l-prevenzjoni tas-suwiċidju hija responsabbiltà li għandha tinvolvi lis-soċjetà kollha. Il-post tax-xogħol għandu rwol importanti ħafna, għaliex huwa wieħed mill-ambjenti fejn inqattgħu parti sostanzjali minn ħajjitna. Għalhekk, il-ħaddiema għandhom isibu ambjent fejn iħossuhom rispettati, mismugħa u appoġġjati, u fejn min ikun għaddej minn diffikultajiet ma jibżax jitlob l-għajnuna.
Fl-istess ħin tisħaq ukoll fuq il-ħtieġa li jiġu introdotti programmi strutturati ta’ assistenza għall-ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol. Kif ukoll servizz ta’ riferiment għal professjonisti kwalifikati fil-qasam tas-saħħa mentali. Huwa essenzjali li l-ħaddiema jkunu jafu fejn jistgħu jfittxu l-għajnuna u jkollhom aċċess għaliha fil-ħin, mingħajr biża’ ta’ stigma jew diskriminazzjoni.
Il-pressjoni fuq ix-xogħol, stress eċċessiv, nuqqas ta’ appoġġ u ambjenti organizzattivi ħżiena jistgħu jaffettwaw is-saħħa mentali. Għaldaqstant, min iħaddem għandu responsabbiltà li jippromwovi l-benesseri mentali, inaqqas ir-riskji psikosoċjali u joħloq kultura fejn it-tfittxija għall-għajnuna ma titqiesx bħala sinjal ta’ dgħufija.
Il-GWU tappella wkoll biex nagħtu aktar kas ta’ xulxin. Kultant bidla fl-imġiba, iżolament, dwejjaq persistenti jew kliem ta’ qtigħ il-qalb jistgħu jkunu sinjali li persuna teħtieġ l-appoġġ. M’għandniex nibżgħu nistaqsu lil kollega, ħabib jew qarib jekk hux tajjeb, nisimgħuh u, fejn ikun hemm bżonn, ngħinuh ifittex għajnuna professjonali.
“Bħala Union, il-messaġġ tagħna huwa wieħed ċar: ħadd m’għandu jħoss li jrid jaffaċċja mumenti diffiċli waħdu. Fuq il-post tax-xogħol irridu nibnu kultura fejn mhux biss naħdmu flimkien, iżda nieħdu ħsieb xulxin. Kultant mistoqsija sempliċi bħal ‘Int kif inti?’ u r-rieda li verament nisimgħu jistgħu jkunu l-ewwel pass biex persuna ssib l-appoġġ li teħtieġ,” sostniet il-GWU.
Il-Union ttenni li s-saħħa mentali għandha tingħata l-istess importanza bħas-saħħa fiżika u għandha tkun parti integrali mid-diskussjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà, il-kwalità tax-xogħol u d-dinjità tal-ħaddiem.
Is-suwiċidju jista’ jiġi evitat. Nibdew billi nitkellmu, nisimgħu u nkunu hemm għal xulxin.
F’Malta, kull min jeħtieġ appoġġ emozzjonali jew psikoloġiku immedjat jista’ jċempel 1579, il-Linja Nazzjonali tas-Saħħa Mentali, li toffri appoġġ bla ħlas 24 siegħa kuljum. F’emerġenza, wieħed għandu jċempel 112.

