Saturday, December 21, 2024

Il-Pulizija tkisser ċirku ta’ kriminalità organizzata minn barranin f’Malta

Aqra wkoll

Il-Pulizija arrestat tliet irġiel mir-Rumanija ta’ 54, 40 u 39 sena rispettivament, li jiffurmaw parti minn grupp ta’ ċirku ta’ kriminalità organizzata internazzjonali li jwettaq serq magħruf bħala ‘pickpocketing’.

Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li l-grupp ta’ kriminali jmorru fejn ikun hemm postijiet iffullati, l-iktar fuq karozzi tal-linja sabiex jużaw ir-rassa bħala għodda u jisirqu l-vittmi tagħhom.

Fi stqarrija maħruġa mll-Pulizija intqal li permezz tal-kunċett ta ‘Intelligence-Led-Policing’, il-Korp tal-Pulizija qiegħed ikun pro-attiv f’dawn it-tip ta reati. 

L-investigazzjonijiet tmexxew b’mod konġunt bejn diversi Branki Speċjalizzati u Distretti. Il-pulizija qalet li minn dawn l-investigazzjonijiet irriżulta li s-suspettati allegatament wettqu s-serq f’Malta fi ftit jiem matul ix-xhur tas-sajf illi għadda u telqu immedjatament għal pajjiż ieħor.

Permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ pajjiżi barranin, flimkien mal-Europol u l-Interpol, irriżulta li l-persuni ilhom iwettqu dawn ir-reat f’diversi pajjiżi fl-Ewropa li jattiraw turisti mill-2010. L-‘Intelligence-Led-Policing’ wassal biex ikun magħruf li l-irġiel kienu se jerġgħu jiġu Malta t-Tnejn illi għadda waranofsinhar b’titjira minn Budapest fl-Ungerija. 

Fl-ajruport, il-Pulizija osservawhom jaqbdu karozza tal-linja, segwewhom sa lukanda f’San Ġiljan u ġew arrestati.

It-tliet Rumeni mistennija jitressqu l-Qorti llum, għall-ħabta tal-11.30a.m. quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Charmaine Galea LL.D.

Ekonomija

Sport