Tuesday, April 23, 2024

IL-PURĊISSJONI S-SEWDA U ATTIVITAJIET OĦRA FIL-BIRGU

Aqra wkoll

Il-kult tal-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu hu b’saħħtu ħafna fil-Kottonera fosthom fil-Birgu fejn hemm għeruq storiċi fondi ħafna.

Erba’ purċissjonijiet

Hekk li skond kif jingħad fil-passat fil-Birgu kienu jsiru mhux inqas minn 4 purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira. Kienet issir waħda magħrufa bħala l-purċissjoni s-sewda li kienet toħroġ mill-Knisja tal-Karmnu u fiha kienu jieħdu sehem dawk li jkunu ħelsu mill-jasar minn taħt idejn l-għadu l-iktar dawk li kienu jiġu mġiegħla jaqdfu fuq ix-xwieni u l-galeri. Ħafna parteċipanti kien ikollhom il-ktajjen ma’ saqajhom biex ifakkarhom fil-jasar li kienu fih u jista’ jkun li minn hawn ġejja t-tradizzjoni li għadna naraw f’xi purċssjonijiet bħal dik tal-Mosta u ta’ San Ġorġ ta’ Għawdex.

Kienet issir purċissjoni oħra f’Ħamis ix-Xirka mill-Knisja tal-Lunzjata tal-Kommunita Dumnikana li llum m’għadhiex issir. Fil-fatt bħalissa fl-istess knisja hemm numru ta’ statwi li kienu jintużaw f’din il-purċissjoni.

Imbagħad kienu jsiru tnejn f’nhar il-Ġimgħa l-Kbira, waħda filgħodu tal-komunità Griega fil-Birgu u filgħaxija kienet issir dik li toħroġ mill-parroċċa ta’ San Lawrenz li għadha issir sal-lum u li għandha il-partikularità li l-vari mlibbsin bi ħwejjeġ ta’ veru tal-bellus u s-satin li din is-sena bil-ħidma tal-Kummissjoni Ġimgħa l-Kbira nbidel u sar iktar elaborat u għani. Tajjeb insemmu wkoll li din is-sena il-purċissjoni tal-Ġimgha bis-sehem tal-vari, personaġġi u l-banda Vittoriosana San Lawrenz se toħrog iktar tard, fis-6.30 p.m.

Il-Purċissjoni s-Sewda

Fis-sena 2019 fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni reġgħu bdew isiru tradizzjonijiet antiki li ma baqgħux isiru matul is-snin. Minbarra l-purċissjonijiet kull ġimgħa magħrufa bħala tal-misteri meta kull vara kienet titniżżel proċessjonalment mill-Oratorju tal-Kurċifiss sal-Knisja reġgħet ġiet introdotta b’suċċess il-purċissjoni s-sewda li ssir l-Erbgħa tat-Tniebri fit-8.00 p.m.

Minħabba l-pandemija tal-Covid-19 bħal kull attività tal-massa oħra dawn twaqqfu però dis-sena se terġa’ ssir proprju għada.

Din hija purċissjoni unika fejn iċ-ċentru hu r-relikwa tal-‘veru lignu’ li tinħareg mill-Palazz tal-Inkwiżitur iddur mat-toroq dojoq u imdallma tal-collacchio u tirritorna l-knisja bl-akkumpanjament ta’ numru ta’ fratelli bix-xemgħat u l-fanali f’idejhom. Bħala mużika ma jkunx hemm banda iżda numru ta’ bandisti tas-soċjeta mużikali San Lawrenz isellmu lir-relikwa permezz ta’ fanfarra. Għall-ewwel darba se jieħdu sehem membri tal-fratellanza ta’ oriġini Spanjola.

Hawn l-organizzaturi jixtiequ jieħdu l-opportunità sabiex iroddu ħajr lil Heritage Malta għall-koperazzjoni li wriet għal din l-attività.

Attivitajiet oħra

Minbarra il-purċissjoni is-sewda fil-Birgu jkun hemm funzjonijiet sbieħ fil-parroċċa fosthom il-kwaranturi li jispiċċaw l-Erbgħa, diversi sepulkri, numru ta’ wirjiet kif ukoll il-Ħamis ix-Xirka filgħaxija u l-Ġimgħa l-Kbira filgħodu rappreżentazzjoni ta’ siltiet mir-rock opera Jesus Christ Superstar fis-sala tal-parroċċa. Imbagħad il-qofol jintlaħaq bil-purċissjoni l-Ġimgħa u naturalment il-purċissjoni ferriħija u l-ġirjiet tradizzjonali bl-istatwa ta’ Kristu Rxoxt il-Ħadd filgħodu.

Ħarġa Kompluta

Għalhekk minn qatt ma ġie u anki minn forsi ġie jħares lejn il-Kottonera għax hemm il-vantaġġ li wieħed jista jgawdi firxa wiesgħa ta’ wirjiet u attrazzjonijiet varjati. Ukoll li f’nhar il-Ġimgha l-Kbira, wieħed jista anki jagħmel użu minn mezzi tat-trasport bħal lanċa jew dgħajsa tal-pass, jew jekk tintuża l-vettura privata wieħed jista’ jipparkja f’post wieħed u hemm l-opportunita li jista jara iktar minn purċissjoni waħda għax id-distanza bejn belt u oħra huma qosra ħafna u wieħed jista jmur għalihom bil-mixi. Wieħed ukoll jista’ jagħlaq is-serata anki billi jżur wieħed minn għadd ta’ristoranti tajbin li jdawru ix-xatt tal-Kottonera u hekk tista’ tkun ħarga kompluta għall-familja kollha.

Sport