Monday, May 13, 2024

IL-QASAM SOĊJALI PRIJORITÀ GĦALL-GVERN LABURISTA

Aqra wkoll

Fost il-prijoritajiet ewlenin tal-Gvern preżenti hemm il-qasam soċjali. Dan kollu joħroġ mill-investiment sostanzjali li ta’ kull sena qed isir f’dan il-qasam, permezz ta’ budget wara l-ieħor, fejn b’vot finanzjarju qawwi ta’ miljuni ta’ ewro qed ikunu mgħejjuna faxex differenti tas-soċjetà, minn dawk t’età żgħira sa pensjonanti u persuni oħra vulnerabbli jew bi dħul baxx. B’dan il-mod, qed ikun żgurat li ħadd mhu jitħalla jaqa’ lura billi l-ġid li jinħoloq igawdi minnu kulħadd filwaqt li min għandu bżonn dik l-għajnuna jew imbuttatura, anke biex ikun jista’ jkampa mal-ħajja ta’ kuljum, tkompli tingħatalu.

Waħda mill-miżuri ewlenin li ddaħħlet fil-budget għal din is-sena kienet proprju l-mekkaniżmu addizzjonali tal-COLA għal dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà. L-għan wara dan il-mekkaniżmu huwa li jgħin lil dawn il-persuni, l-aktar pensjonanti u anke dawk li qegħdin fuq il-benefiċċji soċjali, biex jilqgħu għall-għoli tal-ħajja. Din kienet wegħda li diġà ġiet implimentata u se tkompli anki fiż-żmien li ġej.

Fil-fatt, proprju fi tmiem din il-ġimgħa, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fi ħdan il-Ministeru għall-Politika Soċjali se jgħaddi ħlas ieħor addizzjonali tal-COLA. Dan se jkun qed isir b’investiment ta’ €2.7 miljun. B’dan il-pagament sa issa, minn Diċembru li għadda ‘il hawn, il-Gvern se jkun investa aktar minn €19-il miljun f’għajnuna addizzjonali bħala kumpens għall-għoli tal-ħajja.

Ta’ sodisfazzjon huwa l-impenn tal-Gvern li diġà ħabbar li dan il-mekkaniżmu addizzjonali se jkompli jitjieb u jitħaddem kull sena, anke meta l-inflazzjoni terġa’ lura għal livelli normali. Dan sabiex il-Gvern Laburista jibqa’ jkun ta’ spalla għall-persuni vulnerabbli fosthom l-anzjani u dawk l-aktar fil-bżonn.

Għalhekk, naqblu ma’ dak li qal il-Ministru għall-Politika Soċjali Michael Falzon, li dan l-investiment soċjali huwa xhieda ċara ta’ kemm dan huwa Gvern li għandu ruħ soċjali u li jżomm kelmtu. Din il-miżura tingħaqad ma’ kullana ta’ għajnuniet oħra li flimkien qed iġibu differenza fil-ħajja tan-nies u joffru spalla lil min għandu bżonnha.

Fl-isfond ta’ dan kollu m’għandniex dubju li l-investiment fis-soċjal se jibqa’ jingħata prijorità u dan minħabba l-isfidi u r-realtajiet ġodda li jinħolqu minn żmien għal żmien. F’dan il-kuntest ukoll aħna konvinti li fil-budget li jmiss, li se jiġi ppreżentat fil-Parlament minn hawn u xahrejn oħra, se jkomplu jiżdiedu aktar għajnuniet ta’ din ix-xorta u b’hekk f’pajjiżna tkompli titwettaq il-ġustizzja soċjali bil-fatti, kif diġà qed isir. Dan għandu jagħti serħan il-moħħ lill-faxex l-iktar vulnerabbli f’soċjeta li qed dejjem tinbidel u toħloq bżonnijiet differenti liċ-ċittadini.

Sport