Wednesday, April 24, 2024

Fil-EuroPride se jiġu onorati persuni li taw kontribut kbir lill-komunità LGBTIQ+

Aqra wkoll

Matul EuroPride Valletta 2023 se jiġu onorati persuni li ddistingwew ruħhom f’Malta u f’pajjiżi oħra, f’oqsma differenti billi ppromwovew id-drittijiet ċivili tal-komunità LGBTIQ+ u taw servizz eċċezzjonali lil persuni b’orjentazzjoni sesswali differenti. 

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg, waqt li nediet l-Mvintage Pride Awards,  ħabbret li l-pubbliku, se jkollu l-opportunità li jagħżel ir-rebbieħ tal-“People’s Choice Award”,  li għaliha se jkunu nnominati tliet persuni. Il-votazzjoni mill-pubbliku se tibda fid-29 ta’ Awwissu u se tagħlaq ftit ġranet qabel jitħabbru r-rebbieħa tal-premjijiet,  li se jkunu ppreżentati fit-12 ta’ Settembru fil-Pride Village. Il-Pride Village se jintrama fi Pjazza Tritoni fil-Belt fejn se jiżvolġu ħafna mill-attivitajiet tal-EuroPride bejn is-7 u 17 ta’ Settembru.

Is-segretarju parlamentari qalet li  l-ġurija se tagħżel ir-rebbieħa f’seba’ kategoriji oħra li jinkludu awards bħal dik għal “Transcendence in Artistry”, għall-aktar persuna li permezz ta’ forom differenti tal-arti tat kontribut għal kawża tal-komunità LGBTIQ+. Barra minn hekk, is-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet li dawn l-premjijiet huma turija ta’ għarfien u apprezzament għall-ħidma ta’ persuni li jkunu għamlu aktar minn dak li normalment huwa mistenni minnhom biex ikattru r-rispett, l-aċċettazzjoni, id-dinjità u l-imħabba lejn u bejn il-persuni LGBTIQ+.

Is-seba’ kategoriji jinkludu, fost oħrajn, waħda bl-isem ta’ “Influence and Impact”, li se tippremja individwu jew individwi li bil-ħidma tagħhom wasslu messaġġ pożittiv f’dan il-qasam. L-Award “Equality in Healthcare” se tirrikonoxxi l-ħidma ta’ professjonista fil-kamp mediku. “Unconditional Love of a Parent” se tirrikonoxxi ġenituri li wrew l-akbar imħabba u għożża lejn ulied LGBTIQ+. L-award għall-isportivi ser tkun il-“Courage in Sports”, u award oħra hija dik bl-isem “Excellence in LGBTIQ+ Representation Worldwide”. Se jingħata wkoll l-ikbar ġieħ permezz tal-“Lifetime Achievement Award” lil persuna li tul il-karriera tagħha tkun ħadmet qatigħ biex iġġib ‘il quddiem l-ugwaljanza. 

Sabiex jipparteċipa fin-nominazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit: www.europride2023.mt/event/the-mvintage-pride-awards.

Sport