Monday, May 13, 2024

“Il-Qorti jiddispjaċiha għall-Korp li għandu membru tal-Pulizija ta’ dan it-tip”- L-Imħallef Toni Abela

Aqra wkoll

L-Imħallef Toni Abela kellu kliem iebes fil-konfront ta’ Pulizija li daħal f’negozju bi sħab ma’ persuna oħra u dan waqt li ħalla ħafna djun u fi kliem il-Qorti spiċċa juża lis-sieħeb fin-negozju kemm għal flusu u kif ukoll biex hu iseffaq wiċċu mal-awtoritajiet fejn jidħlu kwistjonijiet ta’ VAT.

L-Imħallef iddikjara li “l-Qorti jiddispjaċiha għall-Korp li għandu membru tal- Pulizija ta’ dan it-tip. Għalih xejn ma hu xejn, tant li l-anqas quddiem din il-Qorti ma ħass li kellu jidher. Dan huwa evidenti ukoll mill-kwantita’ ta’ djun li ħalla warajh ma’ aġenti tax-xorb u anke arretrati tal- kera.”

Il-każ jinvolvi kwistjoni fejn Roderick Muscat fetaħ proċeduri fil-Qorti kontra Glen Carabott, li skont kif ingħad hu Pulizija. Muscat sostna li “madwar sentejn biss wara li bdew joperaw il-ħanut Bird Cage fir-Rabat, wara diżgwid li inqala’ l-istess Carabott beda jaqla’ il-barra lil Muscat minn negozju sakemm bl-aktar mod abbuziv u illegali biddel is-serratura tal-bieb ta’ l-istess ħanut.”  Dan wassal biex Muscat spiċċa barra mill-operazzjoni u konsegwentement sofra u għadu qed isofri danni.  Minkejja li Carabott ġie interpellat biex jersaq għall-likwidazzjoni, hu baqa’ m’għamilx dan.

Mis-sentenza tal-Qorti joħroġ li żewġ partijiet ftehmu li kellhom  imexxu  attività kummerċjali bi sħab u l-qliegħ kellu jinqasam nofs bin-nofs. Roderick Muscat irreġistra għall-VAT għax skont Carabott dan ma setax jagħmlu għax kien Pulizija.  Muscat għamel il-parti tiegħu bħala kok u saħansitra kienu jgħinuh il-ġenituri pro bono mentri Carabott kien jieħu ħsieb il-Bar. Fl-aħħar tal-ġurnata l-flus kien jiġborhom Glen Carabott.

Intqal li fiż-żmien kemm dam jopera dan il-ħanut, Roderick Muscat mhux biss ħareġ il-flus iżda qatt ma daħħal xejn sakemm Glen Carabott biddel is-serraturi kollha tal-post u qala’ lil Muscat barra.

Il-Qorti iddikjarat li l-formalita’ waħedha ma tiddeterminax jekk hemmx ftehim jew le. “Ftehim huwa kuntratt ossia konvenzjoni jew ftehim bejn tnejn min-nies jew iżjed, li bih tiġi magħmula, regolata, jew maħlula obbligazzjoni. Biex ikun hemm ftehim ma hiex meħtieġa l-forma miktuba sagramentalment ħlief fejn il-liġi tesiġi l-forma taħt piena ta’ nullità għax wara kollox mhux meħtieġ mil-liġi li l-obbligazzjoni jew it-tmiem tagħha jidhru minn att pubbliku jew minn kitba privata. Billi ċertu partijiet tal-liġi jesiġu l-kitba taħt piena ta’ nullita’, min-naħa l-oħra l-liġi bl-ebda mod ma trid li tnaqqas il-valur tal-ftehim bonarju, siġillat bil-ftehim bil-fomm, taħt l-insenja ta’ irġulija.

Ġie enfasizzat fis-sentenza tal-Qorti li “huwa manifestament ċar li Carabott kien sa mill-bidu nett tal-ftehim in mala fede. Missier Muscat kien profetiku meta lil ibnu tah parir biex ma jidħolx għal ftehim ma’ Carabott minħabba r-reputazzjoni tiegħu, li jekk tassew huwa Pulizija, din il-Qorti jiddispjaċiha għall-Korp li għandu membru tal-Pulizija ta’ dan it-tip.  Jirriżulta b’mod ċar li Muscat kien ‘naïve’ u ħalla lil Carabott jużah kemm għal flusu u kif ukoll biex iseffaq wiċċu mal-awtoritajiet fejn jidħlu kwistjonijiet ta’ VAT. Mucat  ħareġ ammonti ta’ flejjes u l-ewwel tlett xhur kera ħallashom hu fl-ammont ta’ €1825. Ħareġ ukoll  €10,000 biex jitranġa l-ħanut.  Peress li minħabba l-VAT kellu jikri cash register kien kostrett iħallas ukoll l-ammont ta’ €3167 lil Grenke Renting Ltd. Jirriżulta ukoll li l-flus tal-ġurnata kienu jinġabru minn Carabott u minn imkien ma jirriżulta li dan qatt ta rendikont lill-Muscat. Anzi, Muscat spiċċa litteralment barra għal kollox, għax Carabott biddel is-serraturi tal-post kollha.” 

Il-Qorti tgħid li ‘hu evidenti li għall-Carabott xejn ma hu xejn, tant li l-anqas quddiem din il-Qorti ma ħass li kellu jidher. Dan huwa evidenti ukoll mill-kwantita’ ta’ djun li ħalla warajh ma’ aġenti tax-xorb u anke arretrati tal- kera. B’dan ma jfissirx li kemm dam jopera l-ħanut ma għamilx qliegħ, li parti minnu huwa dovut lil Muscat.. In-nonkuranza u non-chalance ta’ Carabott ma titraduċix lilha innifisha f’telf, iżda f’nuqqas ta’ għaqal u menefregismu. Għalhekk, il-Qorti tasal ukoll għall-konklużjoni li kien il- Carabott li ttermina kull ftehim li kien hemm bejn il-partijiet.”

Il-qorti iddeċidiet li Muscat għandu jingħata kumpens €22,676 minn Carabott.

Sport