Saturday, October 26, 2024

Il-Qorti ma tilqax it-talba ta’ Muscat biex il-Maġistrat Gabriella Vella tirrikuża ruħha

… lanqas ma tilqa’ t-talba tal-għaqda Repubblika biex tkun parti mill-kawża

Aqra wkoll

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili (Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali), preseduta mill-Imħallef Doreen Clarke, ċaħdet li għalissa l-Maġistrat Gabriella Vella tirrikuża ruħha mill-inkjesta b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet. Hija wkoll ma laqgħetx it-talba biex it-talba sabiex il-kawża li fetaħ l-eks Prim Ministru Joseph Muscat tinstema’ b’urġenza.

Id-deċiżjonijiet ngħataw f’digriet li ngħata matul il-jum tal-Erbgħa. Fix-xhieda tiegħu fil-kawża li fetaħ, Dr Muscat sostna li d-drittijiet tiegħu nkisru meta l-Maġistrat Vella kien irrifjuta t-talba għar-rikuża u kklassifikat il-kummenti tal-qraba tagħha fuq il-midja soċjali bħala libertà tal-espressjoni.

Dr Muscat kien qal li: “m’iniex avukat, imma minn aspett loġiku, mal-mument li l-Maġistrat Vella ddeċidiet li żżomm mal-qraba tagħha, inħolqot il-ħtieġa għar-rikuża tagħha.” Tenna li għalhekk “kelli nieħu azzjoni sabiex niżguraw li d-drittijiet tiegħi ma jibqgħux jiġu miksura.”

Sadanittant, l-Imħallef Doreen Clarke lanqas ma laqgħet it-talba tal-għaqda Repubblika biex tkun parti mill-kawża.

Għal Dr Muscat deher l-Avukat Charlon Gouder mentri għall-għaqda Repubblika deher l-Avukat Jason Azzopardi filwaqt li l-Avukat James D’Agostino deher għall-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat.

Sport