Wednesday, April 24, 2024

Il-Qorti tagħti raġun lill-GWU… ma tilqax mandat mill-Bank Ċentrali kontra l-Union

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili tat raġun lill-GWU meta ma laqgħetx it-talba għal ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra l-Union mill-Bank Ċentrali ta’ Malta. 

Il-Bank Ċentrali kien talab lill-Qorti biex twaqqaf lill-GWU milli tordna azzjonijiet industrijali sabiex jitwaqqfu is-servizzi tas-sigurta fil-binjiet tal-istess Bank.

Il-Qorti kienet laqgħet provizorjament it-talba li kien għamel il-Bank u sussegwentement appuntat ir-rikors għas-smiegħ fis-seduta tad-29 ta’ Lulju li għadda.

Waqt is-smiegħ ta’ din il-kawża, il-Bank kien argumenta li l-azzjonijiet tal-Union kienu se jwaqqfu servizz essenzjali bil-konsegwenza li se tkun preġudikata serjament il-ħidma ta’ din l-istituzzjoni

Min-naħa tagħha l-GWU qalet li meta ddikjarat it-tilwima u konsegwentement avżat bl-azzjoni ndustrijali kienet qed teżerċita dritt sagrosant li għandha u allura ma kien hemm ebda bażi legali sabiex jintlaqa’  l-mandat.

Fid-deżjoni tagħha, il-Qorti presjeduta mill-Imħallef Neville Camilleri, qablet ma’ dak li ddikjarat il-GWU illi kien fir-responsabbilta tal-Bank  li jipprova sal-grad rikjest mil-liġi il-preġudizzju rreparabbli abbażi tal-azzjonijiet industrijali. Dan minħabba li min jallega jrid jipprova.

Għal dawn il-fatti l-Qorti rrevokat id-digriet li kienet tat fit-23 ta’ Lulju 2021 u għaldaqstant ċaħdet it-talba għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra l-Union.

Sport