Sunday, April 28, 2024

Thriller tajjeb b’Matt Damon

Aqra wkoll

Fl-ewwel vjaġġ tiegħu fit-teatri, “Jungle Cruise” kellu dħul ta’ $34.2 miljun mill-box office tat-teatri Amerikani, $27.6 miljun minn 47 pajjiżi oħra fejn beda jintwera u $30 miljun mill-abbonati ta’ Disney+.

Għall-fatt, li ħafna nies għadhom beżgħana li jersqu lejn is-swali taċ-ċinema, speċjalment minħabba l-varjant tad-Delta, il-figuri tad-dħul għal dan il-film huwa passabbli.  Li kieku qegħdin f’sitwazzjoni normali, dan id-dħul kien jitqies  diżastru għall-film li sewa $200 miljun biex inħadmu.  

F’dak li hu dħul ieħor fil-box office, wara “Jungle Cruise”, l-aktar popolari kienu “Old” u l-film ġdid dwar avventura medjevali “The Green Knight”, bis-sehem ta’ Dev Patel.  Dan ta’ l-aħħar mar aħjar milli kien mistenni.  Warajhom hemm “Black Widow”.

Fil-ħames post iddebutta t-thriller ta’ Matt Damon, “Stillwater”.  Għalija, b’dħul ta’ $5.12 miljun fl-ewwel tlitt ijiem, hu diżappunt kbir.  Huwa film tajjeb ħafna u kien jixraqlu aħjar. 

Stillwater

Meta ftit tal-ġimgħat ilu ddebutta fil-festival ta’ Cannes,  “Stillwater” ħalla mpressjoni kbira mal-udjenza u mal-kritiċi.  Jidher Matt Damon f’parti mhux tas-soltu, taħt id-direzzjoni ta’ Tom McCarthy.  Meta niftakru li fl-2016, Tom McCarthy rebaħ l-Oscar għall-aħjar film b’“Spotlight”, mill-ewwel għandna nintebħu, li “Stillwater” (Entertainment One: 15) mhux ser ikun film tas-soltu, b’skript iffukat fuq id-dettal tal-karattri u ta’ kull ħaġa li jgħaddi minnha.  Jista’ f’mumenti tħossu tedjanti daqs kemm jidħol fil-fond imma fl-aħħar tal-film ikollok tammetti kemm Todd McCarthy hu direttur metodiku.

In-narrattiva tfakkrek fil-każ ta’ Amanda Knox li fl-2007 dejjem sostniet l-innoċenza tagħha fuq il-qtil tal-istudent Meredith Kercer li kienet tgħix fl-istess appartament ma’ Amanda.

Id-direttur Tom McCarthy qabbad, dak li qed jitqies bħala l-aħjar scriptwriter Franċiż fil-mument: Thomas Bidegain u l-writing partner Noé Debré biex jikkolaboraw miegħu u joħolqu film li mhux eżatt dak li l-udjenza ser tkun qed tistenna li tara.  Ngħidu aħna, mhux ser tara lil Matt Damon joħroġ revolver u bih isolvi l-problemi kollha.

Matt Damon għandu l-parti tal-missier Bill Baker minn Stillwater, belt fl-istat ta’ Oklahoma.  Bintu Allison, li ma tantx kellu relazzjoni tajba magħha, tiġi misjuba ħatja li qatlet lil ħabibtha waqt li t-tnejn li huma kien qed jistudjaw f’Marsilja, ġewwa Franza.  Allison dejjem sostniet l-innoċenza tagħha.  Bill imur Marsilja biex jipprova jgħinha.

Irrakkontata mill-perspettiva ta’ Bill Baker, id-direttur jistedinna biex naraw ukoll il-karattru ta’ Bill Baker mill-perspettivi tal-karattri li jkun qed ikollu x’jaqsam magħhom.  Bill mhux turist u qatt ma ħolom li jżur Marsilja li mhux biex jgħin lil bintu.  Hawn fejn tilgħab parti mportanti l-armla Virginie (Camille Cottin), li Bill jiltaqa’ magħha.  Il-barrieri kulturali jagħmluha mpossibbli għal Bill li jsolvi l-każ waħdu.  Bill jirbaħ il-fiduċja ta’ Virginie, billi jkun qalbu tajba ma’ bintha ta’ 8 snin Maya (Lilou Siauvaud).

Interessanti kif jitratta l-problema tar-razziżmu li sar hawn fl-Ewropa.

Jungle Cruise

Permezz ta’ dan il-film tal-avventura, Disney esperimentat jekk ikunx aktar jaqbel li toħloq film fuq waħda mill-attrazzjonijiet li għandha fit-theme parks tagħħha milli minn xi rumanz.

Il-protagonisti huma: Emily Blunt fil-parti ta’ Dr. Lily Houghton, li tkun riċerkatriċi qalbiena minn Londra li donnha tewmija ma’ Indiana Jones; u Dwayne Johnson bħala Frank Wolff, il-kaptan ta’ vapur tax-xmajjar fl-Amazon fl-eqqel ta’ l-Ewwel Gwerra Dinjija. Dan il-karattru jimita sew lil Humphrey Bogart fil-film klassiku tal-1951, “The African Queen.”  Laqtiet minn “Romancing the Stone” (1984) għandu wkoll.  F’dan ta’ l-aħħar kienu dehru Michael Douglas u Kathleen Turner.

Frank jieħu lil Lily u lil ħuha MacGregor (Jack Whitehall) fuq missjoni fil-ġungla sabiex isibu il-famuża siġra tal-ħajja li skont il-mitoloġija, hi maħsuba li għandha poteri ta’ fejqan li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju kbir għall-mediċina moderna.  Kif wieħed jistenna f’dawn it-tip ta’ films ta’ avventura, xejn mhu sempliċi għax dawn it-tlieta iridu jeħduha kontra annimali perikolużi, ambjent mill-aktar ostili u spedizzjoni Ġermaniża, determinata li tasal qabilhom.

“Jungle Cruise” (Walt Disney Studios: 12A) hu ferm aħjar miż-żewġ films Jumanji ta’ Dwayne Johnson li rajna f’dawn l-aħħar snin. Bil-vapur tax-xmajjar li jidderieġi Frank bil-kemm tista’ tgħidlu li jgħaddi mill-eżami, id-direttur Jaume Collet-Serra jagħtina film li għal ftit aktar minn sagħtjn jgħinek taħrab għal dinja tal-ħolm kif kienu jkunu l-films ta’ dan il-ġeneru fil-passat.

Sport