Wednesday, April 24, 2024

Mixli li ħebb għall-Pulizija wara li kisser il-ħġieġ ta’ xi vetturi f’San Pawl il-Baħar

Aqra wkoll

Il-Qorti semgħet kif raġel armat allegatament ħebb għall-pulizija li marru biex jarrestawh talli kien qed ikisser il-ħġieġ ta’ xi vetturi. Il-każ seħħ tard it-Tnejn filgħaxija, għall-ħabta tal-11.30 a.m., fi Triq Cassarino, San Pawl il-Baħar. 

Timothy Obiagebna ta’ 25 sena min-Niġerja iżda residenti San Pawl il-Baħar ġie mixli li għamel ħsara fi proprjetà ta’ ħaddieħor, li ġarr sikkina mingħajr permess, li ħebb għall-pulizija, heddidhom u li kkaġunalhom feriti ħfief u kiser il-paċi pubblika.

L-Ispettur Ryan Vella spjega kif il-Pulizija kienu nfurmati b’raġel li kien qed ikisser ‘windscreen’ ta’ karozza f’San Pawl il-Baħar. Uffiċjali marru fuq il-post iżda ma kinux raw lil min allegatament wettaq ir-reat hemm.

Huma eventwalment sabuh ftit tal-ħin wara viċin il-Knisja tal-Qawra. Obiagebna nstab li kien qed iġorr sikkina twila, pajp tal-metall u furketta twila tal-metall. 

L-Ispettur Vella qal li l-imputat kien ikkopera meta ntqal lilu biex iniżżel l-armi iżda rreżista lill-Pulizija waqt li kien qed jiġi mmanettjat. Il-Pulizija għalhekk kienu kostretti jużaw il-pepper spray. 

Waqt l-arrest, l-imputat għamel ħsarat fuq vettura tas-servizz u żewġ kuntistabbli tar-RIU sofrew ġrieħi li aktar tard ġew iċċertifikati bħala ġrieħi ħfief. 

Mistoqsi fil-Qorti x’iwieġeb għall-akkużi miġjuba kontra tiegħu, Obiagebna wieġeb mhux ħati. Huwa baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.

L-Avukat Daniel Attard deher għall-imputat.

Sport