Monday, November 4, 2024

Il-qtil ta’ sitt persuni f’kindergarten fiċ-Ċina … x’hemm wara dawn l-attakki?

Aqra wkoll

Għadu mhux magħruf x’seta’ wassal biex raġel jidħol f’kindergarten fiċ-Ċina u joqtol sitt persuni b’daqqiet ta’ sikkina. Qed iduru xnigħat li din setgħet kienet vendetta – wara li wieħed mill-adulti maqtula allegatament kien laqat lit-tifel tal-allegat aggressur bil-karozza. Iżda dan xorta waħda ma jispjegax ir-raġuni għalfejn inqatlu sitt persuni, fosthom tlitt itfla u għalliem.

Lura għas-snin disgħin, ma kontx tisma’ b’każi bħal dawn fiċ-Ċina. Mhux li ma ġrawx affarijiet terribbli fuq it-tfal f’dan il-pajjiż. Inċident partikolari seħħ f’Marzu tal-2021 meta splodiet skola fil-provinċja ta’ Jiangxi, u qatlet 41 tifel u tifla. Investigazzjoni sabet li l-iskola kienet qiegħda tintuża wkoll bħala maħżen għal-logħob tan-nar.

Dik kienet traġedja li ħasdet liċ-Ċina. Sar ukoll ħafna tfittix dwar l-isfruttament tat-tfal u n-nuqqas ta’ attenzjoni għas-sigurtà tagħhom. Iżda l-imwiet tagħhom irriżulta li kienu kawża aċċidentali. Imbagħad, mill-2010 ‘il quddiem, l-affarijiet bdew jinbidlu u f’dik is-sena seħħew bosta attakki bi skieken li fihom inqatlu 17-il tifel u tifla.

Il-Prim Ministru Ċiniż ta’ dak iż-żmien, Wen Jiabao, kien żar il-post ta’ fejn seħħ wieħed mill-attakki u immedjatament sejjaħ għal aktar sigurtà fl-iskejjel. Iżda qal ukoll li t-“tensjonijiet soċjali” li wasslu għal reati bħal dawn iridu jiġu indirizzati.

Minn dakinhar ‘il quddiem, iċ-Ċina rat żieda sinjifikanti f’attakki bħal dawn, fil-maġġor parti tal-każi jseħħu minn irġiel. Fost l-oħrajn, fl-2018, raġel daħal fi klassi ta’ skola li tinsab fil-provinċja ta’ Yunnan u beda jitfa’ fuq it-tfal kimiċi irritanti. B’xorti tajba, ħadd minnhom ma miet dakinhar. Iżda kien hemm bosta li kellhom jintbagħtu għall-kura l-isptar, b’uħud minnhom iġarrbu ġrieħi gravi.

Iċ-Ċina issa għandha terminu għal attakki tal-massa bis-skieken li joħolqu għagħa kbir fost il-poplu, u dawn qegħdin jissejħu “vendetta soċjali.”

Sport