Friday, April 26, 2024

Sitta maqtula fosthom tlett itfal f’attakk f’kindergarten fiċ-Ċina

Aqra wkoll

Sitt persuni, fosthom tlitt itfal, inqatlu f’attakk li seħħ f’kindergarten fil-provinċja ta’ Guangdong fiċ-Ċina.

B’rabta ma’ dan l-attakk, il-Pulizija qalet li arrestat raġel ta’ 25 sena bil-kunjom Wu fil-belt ta’ Lijanjiang.

Il-vittmi l-oħra huma għalliem u żewġ ġenituri, b’persuna oħra hija rrapportata li sofriet xi ġrieħi.

L-attakk seħħ kmieni t-Tnejn filgħodu, għall-ħabta tas-7.40 a.m. (ħin lokali). Ir-raġel ġie arrestat ftit tal-ħin wara u l-pulizija qalu li dan il-każ bħala wieħed intenzjonat.

Sid ta’ maħżen li jaħdem qrib il-kindergarten qal lill-BBC li ż-żona ta’ fejn seħħ il-każ ġiet magħluqa u ppreservata għal aktar investigazzjonijiet.

Dan l-attakk qanqal konversazzjoni wiesgħa fuq il-pjattaformi tal-midja soċjali Ċiniżi, b’ħafna utenti jirrispondu li kienu jinsabu taħt xokk b’dak li ġara.

Kriminalità vjolenti ta’ din ix-xorta hija rari ħafna fiċ-Ċina, iżda dan il-pajjiż ra bosta attakki bi skieken f’dawn l-aħħar snin, inkluż fi skejjel.

F’Awwissu tas-sena li għaddiet, raġel daħal b’sikkina f’kindergarten fil-proviċnja ta’ Jinagxi fejn qatel tlitt persuni u darab sitta oħra.

F’April tal-2021, mietu żewġt itfal filwaqt li 16 oħra ndarbu f’attakk tal-massa fil-belt ta’ Beiliu, fir-reġjun ta’ Guangxi Zhuang.

L-awtoritajiet Ċiniżi ilhom sa mill-2010 iżidu s-sigurtà madwar l-iskejjel tant li f’dik l-istess sena, il-Ministru tas-Sigurtà Pubblika kien ħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali sabiex irażżnu “b’mod riżolut” kwalunkwe attività kriminali li jista’ jkun hemm biex jiżguraw is-sigurtà tal-għalliema u l-istudenti.

Wara l-attakk tal-2021, il-Ministeru tal-Edukazzjoni taċ-Ċina ordna wkoll eżerċizzji ta’ evakwazzjoni ta’ emerġenza fl-iskejjel.

Sport