Monday, November 4, 2024

Il-UEFA se tagħlaq kull “spazju” biex ma jseħħx dak li għamlu Chelsea fis-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar

Aqra wkoll

Il-UEFA se tagħlaq il-“loophole” li biha Chelsea rnexxielhom jagħtu kuntratti fit-tul fit-tieqa tat-trasferimenti ta’ Jannar.

Il-Pensioners ffirmaw sitt players matul dan ix-xahar. Dawn huma David Datro Fofana (Molde), Andrey Santos (Vasco Da Gama), Benoit Badiashile (Monaco), Mykhailo Mudryk (Shakhtar Donetsk) u Noni Madueke (PSV Eindhoven), li  kollha ngħaqdu b’mod permanenti, filwaqt li Joao Felix huwa misluf mingħand Atletico Madrid.

Is-sid ta’ Chelsea, Todd Boehly, qed jappoġġa mingħajr kontroll lill-manager Graham Potter wara bidu mill-aktar negattiv tal-istaġun, bil-konsegwenza li jinsabu fl-10 post tal-klassifika u b’ċans żgħir li jikkwalifikaw għall-UEFA Champions League. 

Il-Blues irreġistraw dawn il-players kollha billi daru mar-regoli fejn dawn ingħataw kuntratti fit-tul. 

Mudryk, pe reżempju, iffirma l-itwal kuntratt fl-istorja tal-football Ingliż li huwa ta’ tmien snin u nofs. Dan ifisser li l-ħlas tiegħu ta’ £80 miljun se jiġi kkalkulat għal £9.41 miljun mill-kalkoli tal-Finanacial Fair Play tal-UEFA.

Peró dan se jinbidel fix-xhur li ġejjin. Il-korp governattiv tal-football Ewropew se jdaħħal limitu ta’ żmien massimu ta’ ħames snin biex titħallas miżata ta’ trasferiment. Il-politika l-ġdida għandha tiġi introdotta qabel is-suq tat-trasferimenti tas-sajf.

Ir-regolamenti tal-FIFA jgħidu li l-kuntratti għandhom ikunu massimu ta’ ħames snin sakemm il-liġi ta’ pajjiż ma tgħidx li jistgħu jkunu itwal. Bħalissa, m’hemm l-ebda restrizzjonijiet fir-Renju Unit.

Chelsea mhux se jiġu evitati milli jxerrdu l-ispiża tal-ħlasijiet għall-players li diġà ffirmaw.

Datro Fofana u Badiashile huma fuq kuntratti ta’ seba’ snin u nofs u ta’ sitt snin u nofs rispettivament. Wesley Fofana, li wasal minn Leicester City fis-sajf, jinsab fuq kuntratt ta’ seba’ snin.

Dan sempliċiment qed joħloq problema għall-futur. Dan minħabba li club jista’ “jeħel” ma’ player b’salarju għoli li ma jkunx jista’ jbigħ, jew inkella jekk ibigħu wara tlieta jew erba’ snin ma jdaħħalx ħafna profitt [f’termini ta’ kontabbiltà] għaliex ħafna mis-somma tat-trasferiment tiegħu tiġi mnaqqsa b’mod konsiderevoli.

S’issa Boelhy nefaq xejn inqas minn £460 miljun.

Sport