Saturday, December 21, 2024

Il-UNICEF tgħid li nqatlu jew indarbu 2,406 tifel u tifla

1,000 jum mill-bidu tal-gwerra fl-Ukrajna

Aqra wkoll

Proprju bħal-lum 1,000 ġurnata ilu, ir-Russja bdiet bl-invażjoni tagħha fl-Ukrajna. Invażjoni li fiha mietu jew sfaw midruba minn tal-inqas 2,406 tifel u tifla fl-Ukrajna. Dan ġie kkonfermat minn statistika ppubblikata mill-Fond tal-Ġnus Magħquda għat-Tfal, magħruf bħala UNICEF, li turi li 659 tifel u tifla sfaw maqtula f’din il-gwerra, filwaqt li ndarbu 1,747 tfal oħra. Dan jammonta għal mill-inqas 16-il tifel u tifla maqtula jew midruba kull ġimgħa.

Sadanittant, skont il-Missjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda tal-Monitoraġġ tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-Ukrajna, sal-aħħar ta’ Awwissu ta’ din is-sena, inqatlu xejn inqas minn 11,743 persuna ċivili u 24,614 oħra ndarbu mill-bidu tal-gwerra fl-Ukrajna.

Id-Direttur Eżekuttiv tal-UNICEF Catherine Russell iddikjarat li l-ammont ta’ tfal li nqatlu jew indarbu f’din il-gwerra huwa xokkanti u inaċċettabbli. “Hemm tfal li nqatlu fis-sodda tagħhom u fl-isptarijiet li ħallew familji sħaħ imnikkta għat-telfa ta’ dawn l-għeżież tagħhom.”

L-UNICEF qalet ukoll li l-attakki fixklu wkoll is-servizzi tal-ilma u l-elettriku. Bejn it-22 ta’ Marzu u l-31 ta’ Awwissu ta’ din is-sena, l-attakki fuq l-infrastruttura tal-enerġija madwar l-Ukrajna qerdu disa’ GigaWatts (GW) ta’ kapaċità ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku. Dan huwa ekwivalenti għal dawk li teħtieġ l-Ukrajna matul ix-xhur tax-xitwa

Minn Awwissu ta’ din is-sena lil hawn, kien hemm madwar 170,000 ruħ fl-Ukrajna li ntalbu sabiex jaħarbu minn djarhom. Huwa mifhum li hemm madwar 1.7 miljun tifel u tifla li jinsabu mingħajr ilma sikur u li hemm 3.4 miljuni li m’għandhomx aċċess għal sanità ċentralizzata.

Ekonomija

Sport