Saturday, November 16, 2024

Il-vaċċin ta’ Oxford-AstraZeneca approvat għall-użu fir-Renju Unit

Aqra wkoll

Il-vaċċin kontra l-Covid-19 tal-Università ta’ Oxford ġie approvat għall-użu fir-Renju Unit. Dan il-pass huwa meqjus bħala importanti ħafna b’mod partikolari fil-ġlieda tar-Renju Unit biex tikkontrolla l-pandemija, hekk kif matul dawn l-aħħar ġimgħat in-numru ta’ każi ġodda reġa’ żdied b’mod sinjifikanti.

Ir-Renju Unit ordna 100 miljun doża tal-vaċċin mill-kumpanija tal-farmaċewtika AstraZeneca, biżżejjed biex jitlaqqmu 50 miljun persuna.

L-approvazzjoni mir-regolatur tal-mediċini Brittaniku tfisser li l-vaċċin huwa kemm sigur u kif ukoll effettiv kontra l-Covid-19.

Dan huwa t-tieni vaċċin li kien approvat mir-Renju Unit wara dak żviluppat minn Pfizer-BioNTech, li kien approvat fil-bidu ta’ Diċembru.

S’issa aktar minn 600,000 persuna fir-Renju Unit tlaqqmu, b’Margaret Keenan tkun l-ewwel persuna fid-dinja li tieħu t-tilqima barra minn testijiet kliniċi.

Madankollu esperti mediċi qed jisħqu li l-vaċċin ta’ Oxford-AstraZeneca se jkun qed iżid b’mod sinjifikanti r-rata ta’ vaċċinazzjoni minħabba li huwa faċli biex jiġi prodott bil-massa u huwa relattivament irħis.

Fattur importanti ieħor favur il-vaċċin ta’ Oxford -AstraZeneca huwa li l-vaċċin jista’ jinżamm f’temperaturi aktar sħan minn dak ta’ Pfizer-BioNTech, li jirrikjedi li jinżamm f’temperaturi ta’ -70 Grad Celsius. Esperti qed jgħidu li l-vaċċin ta’ Oxfors saħansitra jista’ jinżamm fi friġġ normali, b’dan jagħmilha ferm aktar faċli li l-vaċċin jittieħed fi djar tal-kura u fi kliniċi ta’ tobba biex jiġu amministrati.

Ekonomija

Sport