L-għaqdiet volontarji f’kull soċjetà huma essenzjali għax għandhom rwol kruċjali x’jaqdu. Il-ħidma tagħhom hija varja, twassal ukoll biex ħafna nies jingħataw opportunitajiet, appoġġ u servizzi li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom. Dawn l-għaqdiet jaħdmu f’diversi oqsma, mill-ambjent, l-isport, il-wirt kulturali, il-ħarsien tal-annimali, sa l-għajnuna lil persuni vulnerabbli jew b’diżabilita.
Dan kollu jixhed li l-ħidma fil-volontarjat hija eżempju ċar ta’ solidarjetà u impenn lejn il-komunità. Ħafna drabi, dawn in-nies jagħtu mill-ħin u mill-enerġija tagħhom mingħajr ebda ħlas, sempliċiment bilgħan li jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ ħaddieħor. B’hekk, l-għaqdiet volontarji jikkontribwixxu għal soċjetà aktar magħquda, aktar ġusta u aktar inklużiva.
Għalhekk, intennu li huwa importanti li l-Gvern ikompli jagħti kull appoġġ lil dawn l-għaqdiet li wara kollox huma non-profitabbli. L-għajnuna finanzjarja, ir-riżorsi u l-faċilitajiet offruti lilhiom jippermettulhom ikomplu jwettqu l-ħidma tagħhom b’mod aktar effettiv u jilħqu aktar nies fil-komunità.
Għalhekk, ta min ifaħħar dak li tħabbar fil-jiem li għaddew, li l-Kunsill Malti għas-settur tal-Volontarjat (MCVS) għal sena oħra reġa’ qiegħed iniedi l-iskemi Voluntary Organisations Projects Scheme, magħrufa aħjar mal-għaqdiet bħala l-iskema VOPS, u s-Small Initiative Support Scheme magħrufa bħala SIS.
Dawn l-iskemi jassistu finanzjarjament u b’mod tanġibbli għaqdiet volontarji sabiex iwettqu l-ideat tagħhom u jsarrfuhom fi proġetti diretti fil u għall-ġid tal-komunità. Il-baġit allokat għalihom huwa ta’ €800,000 għall-VOPS, u €180,000 għas-SIS rispettivament.
Quddiem dan l-investiment kollu, ma nistgħux nonqsu milli nfaħħru ħidmet il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, li mill-bidu tal-kariga tagħha ħadmet qatigħ ma’ diversi entitajiet u organizzazzjonijiet biex jilħqu l-aspirazzjonijiet u l-ħolm tagħhom.
L-investiment fil-volontarjat huwa investiment fin-nies. Huwa investiment fil-komunitajiet tagħna biex dawn dejjem ikunu aħjar. Meta l-Gvern u s-settur volontarju jaħdmu flimkien, jinħolqu aktar opportunitajiet u jissaħħu s-servizzi li minnhom jibbenefikaw tant persuni.
Fil-kuntet ta dan kollu, intennu li l-appoġġ lill-għaqdiet volontarji għandu jibqa’ prijorità assoluta sabiex il-ħidma prezzjuża tagħhom tkun tista’ tkompli tikber u tħalli impatt pożittiv fuq is-soċjetà Maltija kollha.


