“Għandna l-maġġorparti tal-qaddiefa li huma rebbieħa tal-Kategorija B li baqgħu magħna. Però ovvjament, kellna bżonn nżidu magħhom biex inżidu iktar. Ġibna qaddiefa ta’ esperjenza u li jafu x’toffri l-kategorija A. Tkun tiela’ minn Kategorija B għal A ma tridx tara kbir imma konvint li se naħsdu lil xi ħadd żgur”.

Dan iddikjarah il-President tal-Klabb tar-Regatta ta’ Marsamxett David Brydon f’intervista ma’ dan il-ġurnal, fejn spjegalna li l-preparazzjonijiet minn regatta għal oħra ma’ jieqfu qatt. Brydon qalilnna; “Aħna għadna ġejjin friski minn rebħa ta’ Kategorija B f’Marzu li għadda u mal-ewwel iddeċidejna li għal ta’ Settembru se mmorru għal Kategorija A”.
Spjegalna kif għal din ir-raġuni, il-klabb ried jara x’hemm bżonn li jsir. Fisser kif Kategorija A hija aktar iebsa minn Kategorija B u li bilfors riedu jaħsbu kmieni biex jaraw li bl-aħjar mod ikunu kompetittivi.

Brydon qalilna wkoll; “B’kollox se jieħdu sehem magħna din is-sena, għandna bejn 13 u 14-il qaddief. Għal kategorija A ghandna 10 qaddiefa”. Matul din l-intervista, semmejna wkoll l-attendenza tal-ppubbliku waqt ir-Regatta.
Dwar dan, huwa beda biex qalilna li; “bħal dejjem nixtiequ li l-pubbliku jinżel jara r-regatta live u għal dawk li ma jkunux jistgħu jiġu, inħeġġiġhom biex isegwuha live minn fuq it-televizjoni”. Il-President ta’ Marsamxett appella lil pubbliku biex ikun ftit paċenzjuż. Enfasizza li dan l-aħħar qed ikun hemm żviluppi ġodda fir-Regatta u avvanz tajjeb pożittiv.

Tenna jgħid li ovvjament ikun miraklu jekk ikollok 20 pjan u jmorru kollha perfetti. Qal ukoll fejn naraw li żgarra xi ħaġa, il-pubbliku għandu jkun paċenzjuż u jagħti nifs lill-organizzaturi.


