Wednesday, December 25, 2024

Il-VCA b’Wirja ta’ Patrick Dalli fil-Mużew tal-Arkeoloġija

Aqra wkoll

L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (VCA) qiegħda tippreżenta wirja b’xogħolijiet riċenti tal-artist figurattiv magħruf Patrick Dalli, bħala parti mill-Programm Kulturali tagħha. Il-wirja bit-titlu The Journey ser titellà fil-Gran Salon tal-Mużew tal-Arkeoloġija, fi Triq ir-Repubblika il-Belt Valletta, mill-4 ta’ Diċembru 2021 sad-9 ta’ Jannar 2022. Din tinkludi xejn inqas minn 34 pittura fosthom bozzetto u hija bbażata fuq l-esplorazzjoni tal-figura umana.

Spiss deskritt bħala ‘Imgħallem tal-Arti Figurattiva’, l-għan ta’ Dalli mhux li jevoka is-senswalità u s-sesswalità bil-pitturi tiegħu, izda li jikkonċentra fuq is-sbuħija u s-sensittività tal-figura umana nuda. L-istil Barokk tal-Gran Salon, fejn ser tkun qed titella’ l-wirja, jinkludi affreski rikki, ċikli arabeski spettakolari, gallerija tal-mużiċisti u saqaf bi travi tal-injam li se jservi bħala sfond għal din il-wirja.

Patrick Dalli jikkonferma li n-nudiżmu għadu detonatur rivoluzzjonarju anke jekk minn dejjem kien parti min-natura artistika.

Imwieled Malta fl-1955, Dalli kien interessat primarjament l-aktar fil-pajsaġġ, still life, u s-sengħa tal-pittura. Fl-1995, beda t-taħriġ formali ma’ Anton Calleja (t.1955-) fejn eżerċita l-aktar l-istudju tal-figura umana. Huwa f’dawn is-snin li Dalli kkonċentra l-prattika tiegħu fuq in-nud. Fis-snin ta’ wara, flimkien ma’ artisti oħra, Dalli pprattika b’mod intens f’sessjonijiet live u pparteċipa f’wirjiet kollettivi f’Malta u barra, fejn esebixxa nudi, pajsaġġi, u pitturi still life.

Ix-xogħlijiet tiegħu ġew esebiti fil-Kavallier ta’ San Ġakbu (2010), fil-Mużew tal-Arti (2010) f’Palazzo Collicola, Spoleto, l-Italja (2015) u fil-Kamra ta’ Fuq (2021).

Dalli ħareġ diversi publikazzjonijiet fosthom Demografie, Gutenburg Press 2015; the human figure, Gutenburg Press 2010; Nudes, Midesea Books 2008 u 2004 u The Human Figure 2002.

Il-katalgu tal-wirja, b’introduzzjoni mil-pinna tal-Profs Vittorio Sgarbi, u essay kritika ta Dr. Charlene Vella, ġie ppubblikat minn La Nave di Teseo, bi drittijet tal-Copyright tal-Agenzija Kulturali għall-Belt Valletta. Il-katalgu huwa taħt il-kurazija ta’ Elisabetta Sgarbi, pubblikatriċi ta’ La Nave di Teseo. Il-wirja hija kkordinata minn Valerio Ballotta (GBK Malta Ltd), flimkien ma’ Stefano Losani u Elisabetta Sgarbi.

Ibbażata fuq il-legat tal-Fondazzjoni Valletta 2018, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta tippromwovi l-kultura u l-wirt artistiku tal-Belt Kapitali permezz tal-ħolqien ta’ programm ta’ avvenimenti li huma aċċessibbli għal kulħadd.

Ekonomija

Sport